>@EIB

Konferenza Stampa tal-BEI dwar ir-Riżultati Annwali 

  • Fl-2021, il-Grupp tal-BEI espanda l-attivitajiet tiegħu u pprovda rekord ta’ €95 biljun f’finanzjament. Kważi nofs il-finanzjament tal-Grupp, €45 biljun, mar għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) milquta ħażin mill-pandemija. Il-finanzjament mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) ammonta għal €30.5 biljun tat-total – li huwa rekord ukoll.
  • Sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, il-Grupp tal-BEI pprovda €58.7 biljun b’mod globali għall-ġlieda kontra l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha.
  • Madwar €27.6 biljun ġew ipprovduti bħala appoġġ għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tal-UE. Sadanittant, it-tislif tal-BEI lir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-UE laħaq €19.8 biljun, li jgħin lill-pajjiżi biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ekoloġika.
  • Il-Fond ta’ Garanzija Ewropew, li nħoloq minn 22 Stat Membru tal-UE, s’issa rifed finanzjament addizzjonali ta' €174.4 biljun biex jappoġġja lin-negozji Ewropej biex jirkupraw mill-pandemija.
  • Il-finanzjament mill-Grupp tal-BEI għall-iżvilupp u l-isħubiji barra mill-Unjoni Ewropea laħaq €8.1 biljun. Il-ħidma tal-BEI fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se tingħata spinta mill-bidu ta’ din is-sena, bis-saħħa tal-istabbiliment ta’ direttorat ġdid – BEI Globali (EIB Global).
  • Il-BEI appoġġja inizjattiva tal-COVAX biex jiġu pprovduti vaċċini lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’€900 miljun bħala parti minn Tim Ewropa – s’issa tqassmu 1 biljun doża.
  • Il-President tal-BEI Werner Hoyer: “Fl-aħħar sentejn, urejna li l-ġlieda kontra l-pandemija, il-finanzjament għall-irkupru u l-investiment fl-azzjoni għall-klima huma għanijiet li jappoġġjaw lil xulxin.”

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Bank tal-UE ffoka fuq il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li żied il-finanzjament tiegħu għal proġetti ekoloġiċi. Il-Grupp tal-Bank Ewropew taI-Investiment (Grupp tal-BEI) ħadem mal-imsieħba fl-Ewropa u madwar id-dinja biex iwassal rekord ta’ €95 biljun ta’ finanzjament, żieda ta’ 23% mill-2020 (€77 biljun) Il-Bank Ewropew taI-Investiment ipprovda €65 biljun f’self, filwaqt li l-Fond Ewropew tal-Investiment ipprovda ftit aktar minn €30 biljun f’garanziji u ekwità.

Il-finanzjament laħaq l-ogħla livell fl-istorja tal-BEI tul 63 sena, fil-biċċa l-kbira minħabba riżorsi addizzjonali pprovduti mill-€24.4 biljun tal-Fond ta’ Garanzija Ewropew (FGE), li ġie stabbilit fl-2020 b’appoġġ minn 22 Stat Membru tal-UE biex l-ekonomija tal-Ewropa (u b’mod partikolari l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja) tkun megħjuna tindirizza l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19.

Iż-żieda fil-volumi ta’ finanzjament turi r-rwol ewlieni li l-Grupp tal-BEI kellu fir-rispons enormi tal-Unjoni Ewropea għall-pandemija. Is-self, il-garanziji u l-istrumenti ta’ finanzjament l-oħrajn tal-Grupp tal-BEI kkumplimentaw il-programmi ta’ reżiljenza nazzjonali, appoġġjaw l-awtoritajiet lokali u pprovdew finanzjament affordabbli lil kumpaniji pubbliċi u privati. Mill-kura tas-saħħa san-negozji ż-żgħar, is-setturi l-aktar affettwati mill-pandemija bbenefikaw mill-appoġġ tal-BEI.

Fl-istess ħin, il-Grupp tal-BEI intensifika l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja, billi implimenta l-Pjan Direzzjonali tal-Bank għall-Klima 2021-2025 approvat mill-Bord tad-Diretturi f’Novembru 2020. Il-finanzjament għall-innovazzjoni, li se jkun ferm importanti għat-tranżizzjoni, laħaq rekord ta’ €20.7 biljun. Il-BEI adotta miri ġodda għat-tislif biex jappoġġja l-politiki ta’ koeżjoni tal-UE, billi impenja aktar fondi għal proġetti fi tranżizzjoni u r-reġjuni anqas żviluppati tal-Ewropa, fejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tista’ tkun aktar diffiċli. 

Lil hinn mill-Unjoni Ewropea, il-BEI ssokta jaħdem mal-imsieħba tal-UE fl-isforz ta’ Tim Ewropa. Sabiex jappoġġja l-politiki tal-Unjoni Ewropea globalment, il-BEI ħoloq direttorat ġdid iddedikat għall-isħubiji internazzjonali u l-finanzjament għall-iżvilupp, BEI Globali. BEI Globali se jibda jopera dan ix-xahar.  

Il-President tal-BEI Werner Hoyer, waqt li kien qed jitkellem fil-konferenza stampa annwali tal-Grupp tal-BEI fis-27 ta’ Jannar, qal: “Fl-aħħar sentejn, urejna li l-ġlieda kontra l-pandemija, il-finanzjament għall-irkupru u l-investiment fl-azzjoni għall-klima huma għanijiet li jappoġġjaw lil xulxin. Ma hemmx dinja sigura mingħajr aċċess għall-kura tas-saħħa u l-vaċċini u mingħajr bidla deċiżiva lejn mudell ekonomiku bbażat fuq soluzzjonijiet innovattivi li huma tajbin għall-klima. Fl-2021, il-volumi ta’ finanzjament rekord tagħna huma xhieda tal-isforz impressjonanti tal-Ewropa biex il-pandemija titreġġa’ lura u biex jiġi promoss l-irkupru ekoloġiku fl-Ewropa u lil hinn minnha. Bil-ħolqien ta’ direttorat ġdid, BEI Globali, għall-attivitajiet tagħna lil hinn mill-Unjoni Ewropea, aħna determinati li nappoġġjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali permezz tas-sħubijiet globali tal-Ewropa.”

Spinta għat-tislif għas-saħħa madwar id-dinja kollha

Bħala parti mir-rispons tal-COVID-19, il-Grupp tal-BEI s-sena l-oħra żied il-finanzjament tiegħu għas-settur tas-saħħa u tax-xjenzi tal-ħajja għal kważi €5.5 biljun. Aktar minn €1 biljun minn dan kien investiment ta' ekwità tal-FEI f'fondi tas-saħħa u tax-xjenzi tal-ħajja.  Fl-2020, il-BEI approva self ta’ €100 miljun lil BioNTech, il-kumpanija Ġermaniża li pprovdiet l-ewwel vaċċin tal-COVID-19 f'kooperazzjoni ma’ Pfizer. Fl-2021, il-BEI kompla jappoġġja r-riċerka u l-produzzjoni tal-vaċċin kif ukoll id-dijanjożi u t-trattamenti tal-COVID-19. Il-BEI intensifika wkoll ir-rwol tiegħu fl-inizjattiva COVAX, li nbdiet mill-Alleanza Gavi biex il-vaċċini jitwasslu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

“Kien biss 10 ijiem ilu li niżel ajruplan f’Kigali, il-belt kapitali tar-Rwanda, biex iwassal il-biljun doża tal-vaċċin taħt COVAX, li issa laħqet 144 pajjiż fid-dinja.  L-Ewropa qed tesporta aktar vaċċini minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja. U aħna qed nappoġġjaw ukoll l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-vaċċin f’reġjuni inqas żviluppati” qal il-President Hoyer tal-BEI.

B’mod ġenerali, aktar minn 780 miljun persuna madwar id-dinja se jibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa mtejba, inklużi l-vaċċini tal-COVID-19, kollox magħmul possibbli bil-finanzjament tal-BEI. Madwar 10 miljun persuna se jkollhom aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb aktar sigur, filwaqt li 3.8 miljuni se jibbenefikaw minn sanità mtejba.

Finanzjament rekord għal negozji żgħar, bi rwol ewlieni għall-FEI

Kważi nofs il-finanzjament tal-Grupp – €45 biljun – mar għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) milquta ħażin mill-pandemija. Il-BEI, il-bank tal-UE, ipprovda l-finanzjament tiegħu lil dawk li kellhom bżonnu l-aktar – in-negozji żgħar b’saħħithom li l-attività tagħhom ġiet imxekkla severament mill-kriżi. Il-BEI jalloka l-biċċa l-kbira tal-finanzjament tiegħu lill-SMEs permezz ta’ selliefa u intermedjarji finanzjarji oħrajn, u l-BEI u l-FEI żiedu l-kooperazzjoni tagħhom b’mod sinifikanti ma’ dawn l-imsieħba waqt il-kriżi tal-COVID-19. Il-finanzjament mill-Grupp tal-BEI kien ta’ benefiċċju għal aktar minn 430 000 SME u kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja fl-Ewropa globalment is-sena li għaddiet, u sostna aktar minn 4.5 miljun impjieg.

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), is-sussidjarju tal-BEI li jappoġġja kumpaniji b’teknoloġija avvanzata fil-fażi tal-bidu u negozji żgħar madwar l-Ewropa kollha, kien strumentali biex jintlaħqu dawn il-volumi. Fl-2021, il-FEI żied il-finanzjament impenjat tiegħu bi kważi tliet darbiet għal rekord ta’ €30.5 biljun (minn €12.9 biljun fl-2020).  Il-FEI jfassal u jiżviluppa kapital ta' riskju u ta' tkabbir, garanziji u inizjattivi ta' mikrofinanzjament. F'dan ir-rwol, il-FEI jrawwem l-objettivi tal-UE b'appoġġ għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kif ukoll irawwem l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-intraprenditorija, it-tkabbir u l-impjiegi.

Il-Fond ta’ Garanzija Ewropew jipprovdi appoġġ kruċjali għall-kriżi

Il-Fond ta’ Garanzija Ewropew (FGE) ta’ €24.4 biljun ġie stabbilit tard fl-2020 mill-Grupp tal-BEI u 22 Stat Membru biex jgħinu lill-kumpaniji fl-UE, speċjalment l-SMEs, jirkupraw mill-kriżi relatata mal-pandemija. L-attività tal-FGE xprunat iż-żieda fil-finanzjament tal-FEI. Il-FGE malajr espanda l-operazzjonijiet matul l-2021. Sa minn Diċembru 2020, il-Grupp tal-BEI approva €23.2 biljun f’finanzjament bl-appoġġ tal-Fond ta’ Garanzija Ewropew, jew 401 operazzjoni individwali fit-22 pajjiż parteċipanti kollha. L-investimenti sal-lum huma mistennija li jimmobilizzaw €174.4 biljun.

Il-FGE qed juri li huwa storja ta’ suċċess,” spjega l-President Hoyer. “Matul l-2021, il-fond ħa spinta. L-intermedjarji finanzjarji mal-Ewropa kollha użaw il-garanziji tal-fond biex jipprovdu salvagwardji fil-ħin lil negozji żgħar li kienu qed ikampaw b’kapital operatorju u tħassib ta’ likwidità, jew li ma riedux jabbandunaw il-pjanijiet ta’ investiment tagħhom. ”   

BEI Globali: imsieħeb ġdid għal Tim Ewropa 

Lil hinn mill-Unjoni Ewropea, il-Grupp tal-BEI pprovda €8.1 biljun f’finanzjament fl-2021. Il-bank tal-UE huwa attiv f’aktar minn 160 pajjiż u huwa msieħeb ewlieni ta’ Tim Ewropa. Sa mill-1958, il-BEI investa aktar minn €1.5 triljun f’aktar minn 14,400 proġett barra mill-UE. Iffinanzja proġetti fis-settur pubbliku u privat, negozji żgħar u ditti kbar.

Konformi mar-riforma ġenerali tal-preżenza globali u l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea, il-BEI issa ddeċieda li jirriforma l-attivitajiet tiegħu barra mill-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi direttorat iddedikat għall-isħubiji internazzjonali u għall-finanzjament għall-iżvilupp. Dan id-direttorat se jissejjaħ BEI Globali.

BEI Globali se jiġbor flimkien ir-riżorsi u l-kompetenza esperta kollha tal-BEI miksuba minn barra l-Unjoni Ewropea taħt struttura ta’ ġestjoni ċara li se tagħti kontribut aktar b'saħħtu u aktar iffokat lil proġetti u inizjattivi ta’ Tim Ewropa. BEI Globali se jkun megħjun u appoġġjat minn Grupp ta’ Konsulenza tal-Bord, li se jkun stabbilit fix-xhur li ġejjin.

F’Novembru, il-BEI fetaħ l-ewwel ċentru tiegħu fl-Afrika, f’Nairobi, il-belt kapitali tal-Kenja. Hemm aktar uffiċċji ppjanati, hekk kif il-BEI jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

BEI Globali huwa l-evoluzzjoni naturali tal-impenn dejjiemi tagħna lil hinn mill-Unjoni Ewropea. Bil-ħolqien ta’ direttorat apposta, se nkunu nistgħu niffokaw fuq proġetti li għandhom impatt qawwi lokalment, sew bit-titjib tad-diġitalizzazzjoni, il-promozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jew il-bini ta’ infrastruttura ta’ kwalità li ssaħħaħ l-adattament għat-tibdil fil-klima. BEI Globali, bħala parti minn Tim Ewropa se jkun strument biex jistabbilixxi sħubijiet aktar b'saħħithom ma’ istituzzjonijiet lokali u banek tal-iżvilupp multilaterali oħrajn,” qal il-President Hoyer.

Punti importanti fil-progress lejn il-bank tal-UE għall-klima

Fl-istess ħin, il-BEI ttrasforma ruħu fil-bank tal-UE għall-klima, konformi mal-Pjan Direzzjonali tal-Grupp tal-BEI tal-Bank għall-Klima 2021-2025 adottat mill-Bord tad-Diretturi f’Novembru 2020. Is-sehem tal-investimenti tal-BEI li mar għal proġetti ta’ azzjoni dwar il-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali s-sena li għaddiet żdied għal 43% (minn 40% fl-2020, minkejja l-kriżi tal-COVID-19, li qarreb lill-Bank tal-UE lejn il-mira tiegħu ta’ 50%.

Meta jitqiesu l-operazzjonijiet li jużaw il-fondi proprji tal-BEI – mingħajr il-mandat tal-FGE li jiffoka speċifikament fuq l-SMEs milquta mill-pandemija – l-azzjoni għall-Klima tal-BEI fil-fatt telgħet għal 51%.

Il-BEI laħaq ukoll żewġ punti importanti fil-Pjan Direzzjonali tal-Bank għall-Klima tiegħu. F’Ottubru, ftit qabel il-konferenza tal-COP26 fi Glasgow, il-Bord tad-Diretturi approva l-Pjan tal-BEI għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima u l-Allinjament ta’ Pariġi għal qafas bejn il-kontropartijiet (PATH). Il-biċċa l-kbira tat-tislif tal-BEI għall-klima bħalissa tingħata għall-mitigazzjoni tal-klima. Bil-Pjan għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, il-BEI huwa impenjat li jittripla s-sehem tal-finanzjament għall-klima totali tiegħu ddedikat għall-adattament minn 5% għal 15%. Permezz ta’ PATH, il-bank tal-UE għamel impenn għal approċċ li jqis il-pjanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tal-klijenti. PATH jipprovdi għodda soda biex tgħin lil kumpaniji b’emissjonijiet għoljin sabiex jadottaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni. 

“Il-pjan tagħna għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-allinjament ta’ Pariġi tal-kontropartijiet huma elementi ewlenin fl-istrateġija tagħna. Biż-żieda tal-finanzjament fl-adattament, se ngħinu biex nibnu infrastruttura aktar reżiljenti mad-dinja kollha u b’mod partikolari, f’reġjuni li jeħtiġuh l-aktar minħabba l-esponiment tagħhom għal temp estrem. Bl-allinjament għall-kontropartijiet, inħeġġu lill-kumpaniji biex jiddekarbonizzaw, u dan se jaċċellera t-tranżizzjoni lejn dinja b’anqas jew b’ebda emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra,” qal il-President Hoyer.    

Ambizzjonijiet ġodda ta’ koeżjoni

Li ħadd ma jitħalla lura huwa prinċipju li jinsab fil-qalba tar-raġuni għall-eżistenza tal-Bank tal-UE, u aħna impenjati bis-sħiħ li nappoġġjaw l-objettivi tal-politika tal-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar ħames snin, il-BEI pprovda €90.8 biljun għal proġetti li jappoġġjaw il-koeżjoni. Fl-2021 biss, il-finanzjament għall-koeżjoni ammonta għal €19.8 biljun, ekwivalenti għal 41% tal-finanzjament iffirmat fil-pajjiżi tal-UE li huwa appoġġjat mill-fondi proprji tal-BEI.

F’Ottubru 2021, il-BEI approva qafas ġdid biex iżid it-tislif lejn reġjuni tal-koeżjoni fl-2021-2027. B’mod aktar speċifiku:

  • Il-BEI se jimmira li jżid il-finanzjament tiegħu għar-reġjuni identifikati mill-Kummissjoni Ewropea bħala anqas żviluppati jew fi tranżizzjoni għal 45% tat-tislif annwali fl-UE sal-2025.
  • Il-BEI se jalloka 23% tas-self annwali tiegħu fl-UE lil reġjuni anqas żviluppati (dawk bi prodott domestiku gross per capita ta’ anqas minn 75% tal-medja tal-UE) sal-2025.

L-azzjoni tal-BEI għall-koeżjoni għall-2021-2027 se tiffoka fuq 145 reġjun tal-UE, 67 reġjun ta’ tranżizzjoni u 78 reġjun anqas żviluppat.

Finanzjament rekord għall-innovazzjoni

Fl-aħħar nett iżda b’mod importanti, is-sena li għaddiet, rekord ta’ €20.7 biljun marru f'appoġġ għall-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali u l-iżvilupp uman. Teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda huma meħtieġa biex tinkiseb it-tranżizzjoni doppja lejn dinja ekoloġika u diġitali.

Eżempju wieħed ta’ kif il-finanzjament fl-innovazzjoni jrendi huwa l-aħbar riċenti ta’ Northvolt fi tmiem l-2021.  Wara li rnexxielha tiżviluppa batteriji tal-litju-jon, il-kumpanija Żvediża ffirmat ftehimiet ma’ bosta manifatturi tal-karozzi Ewropej u ħabbret il-produzzjoni tal-ewwel ċellula tal-batteriji tal-litju-jon fil-gigafactory ta’ Northvolt fl-Iżvezja tat-Tramuntana. Il-BEI huwa finanzjatur kburi ta’ Northvolt u jappoġġja industrija tal-batteriji Ewropea b’saħħitha u indipendenti.

Dokumenti u ċifri