Suche starten DE menü Kundenportal der EIB-Gruppe
Suche starten
Ergebnisse
Top-5-Suchergebnisse Alle Ergebnisse anzeigen Erweiterte Suche
Häufigste Suchbegriffe
Meistbesuchte Seiten
Getty
  • Il-BEI japprova l-inizjattiva HousingTechEU ta’ €400 miljun biex jappoġġa materjali, inġinerija u innovazzjoni avvanzata fil-kostruzzjoni
  • Il-FEI jappoġġa investiment fl-ewwel fond ta’ kapital ta’ riskju fil-pedjatrija fl-Ewropa.
  • Il-Bord tal-BEI jiltaqa’ ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiddiskuti sħubiji globali, is-self fl-Ukrajna u l-kooperazzjoni ma’ banek multilaterali tal-iżvilupp oħrajn.

Il-Bordijiet tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) approvaw total ta’ €9.2 biljun f’finanzjament ġdid għall-espansjoni tal-innovazzjoni fis-settur tal-akkomodazzjoni, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija, u l-appoġġ tal-kura tas-saħħa u tas-sistemi tal-ilma mal-Ewropa kollha.

Il-Bord tal-BEI awtorizza l-inizjattiva HousingTechEU ta’ €400 miljun, li hija l-ewwel waħda ta’ dan it-tip, biex jagħti spinta lill-innovazzjoni fl-akkomodazzjoni u biex jappoġġa kumpaniji kbar u b’kapitalizzazzjoni medja fis-suq tal-akkomodazzjoni tal-UE sabiex jaċċellera l-innovazzjoni industrijali, teknoloġika u tal-kostruzzjoni. Dan il-finanzjament il-ġdid se jgħin bl-iżvilupp ta’ materjali tal-kostruzzjoni, makkinarju u inġinerija ġdida biex tittejjeb il-kwalità u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni filwaqt li tingħata spinta lill-innovazzjoni u k-kompetittività Ewropea.

Din l-inizjattiva l-ġdida ssostni l-Pjan ta’ Azzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli u Sostenibbli tal-Grupp tal-BEI, li għandu l-mira li jżid il-finanzjament għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli mal-Ewropa kollha għal aktar minn €4 biljun fl-2025.

“Il-kura tas-saħħa ta’ kwalità u l-aċċess għal djar aħjar huma pilastri tal-infrastruttura soċjali li jsostnu l-mod ta’ għajxien Ewropew,” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño. “L-inizjattiva tal-innovazzjoni tal-akkomodazzjoni rivoluzzjonarja adottata din il-ġimgħa turi dak li twettaq l-Ewropa għaċ-ċittadini tagħha.”

Flimkien mal-inizjattiva HousingTechEU, il-Grupp tal-BEI witta t-triq ukoll għal total ta’ 13-il operazzjoni taħt TechEU b’fokus fuq l-oqsma ekoloġiċi u diġitali fl-Ewropa. F’pass sinifikanti għas-settur tas-saħħa, il-FEI approva investiment fl-ewwel fond ta’ kapital ta’ riskju tal-Ewropa, iffokat fuq il-pedjatrija. Din l-inizjattiva pijuniera tfittex li tittrasforma r-riċerka mill-aktar avvanzata mill-isptarijiet tat-tfal u l-istituzzjonijiet akkademiċi f’terapiji rivoluzzjonarji, li jindirizzaw ħtiġijiet vitali mhux sodisfatti fil-kura tas-saħħa tat-tfal.

TechEU huwa l-akbar programm ta’ finanzjament tal-UE sal-lum li jappoġġa l-innovazzjoni u t-tmexxija teknoloġika biex jattira t-talent, il-kapital u l-investiment fl-Ewropa. L-ewwel mewġa TechEU appoġġat il-Patt għal Industrija Nadifa u t-tieni tiffoka fuq l-innovazzjoni tal-akkomodazzjoni u l-bini.

Il-BEI approva wkoll finanzjament għal proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni affordabbli fil-Ġermanja, sptar ġdid fin-Netherlands, enerġija mir-riħ fil-Ġermanja u l-Portugall, infrastruttura tal-ilma fl-Italja u l-Litwanja, u trasport sostenibbli fil-Polonja.

Lil hinn mill-UE, il-Bord tal-FEI approva tranżazzjoni ġdida mmirata bies tiftaħ aktar minn €200 miljun f’finanzjament għal intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) fl-Ukrajna, inizjattiva maħsuba biex tipprovdi appoġġ vitali lil negozji lokali u tistimula r-reżiljenza ekonomika. Barra dan, il-Bord tal-BEI approva finanzjament ġdid għall-iżvilupp tas-settur privat tal-Afrika u appoġġ għall-proġetti tal-ilma fil-Brażil, sptarijiet u networks tal-enerġija fis-Serbja, u enerġija ġeotermali fl-Iżlanda.

Seminar tas-soċjetà ċivili

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Bord tal-BEI kellu wkoll is-seminar annwali tiegħu ma’ kważi 100 parteċipant irreġistrat minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu l-attivitajiet ta’ self fl-Ukrajna u l-kooperazzjoni ma’ banek multilaterali tal-iżvilupp oħrajn fost suġġetti oħra.

L-indirizz tal-President Calviño lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jista’ jinstab hawnhekk.

Informazzjoni ġenerali  

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Il-BEI jiffinanzja investimenti fi tmien prijoritajiet ewlenin li jappoġġaw l-objettivi tal-politika tal-UE: l-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, Ewropa aktar b’saħħitha f’dinja aktar paċifika u għanja, u l-unjoni tas-swieq kapitali tal-Ewropa.  

Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma kważi €89 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġett ta’ impatt għoli fl-2024, biex b’hekk saħħaħ il-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa.    

Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-UE għandu fil-mira r-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul għal kull ras huwa inqas mill-medja tal-UE, filwaqt li kważi 60% tal-investimenti annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġaw l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali.

Ritratti ta’ kwalità għolja u aġġornati tal-kwartieri ġenerali tagħna għall-użu mill-media huma disponibbli hawnhekk. 

Kontakt

Bruno Hoyer

Referenz

2025-411-MT