Search EN menu en EIB GROUP CLIENT PORTAL
Search
Results
Top 5 search results See all results Advanced search
Top searches
Most visited pages
EIB
  • Il-Grupp tal-BEI jassenja €17.5 biljun f’appoġġ għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika minn negozji Ewropej żgħar u ta’ daqs medju.
  • L-impenn għandu l-għan li jagħti spinta lill-iffrankar tal-enerġija minn aktar minn 350,000 kumpanija fit-tliet snin li ġejjin, u kważi jirdoppja l-finanzjament tal-Grupp tal-BEI f’dan il-qasam.
  • Il-Grupp tal-BEI qed jissieħeb ukoll mal-fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Solar Impulse Foundation biex jippromwovu l-effiċjenza enerġetika bħala servizz.
  • Rapport ġdid jenfasizza l-muturi u l-ostakli għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fl-Ewropa.

Aktar minn 350,00 kumpanija madwar l-Ewropa se jagħmlu kisbiet fl-effiċjenza enerġetika permezz ta’ inizjattiva ta’ finanzjament ta’ €17.5 biljun mill-Unjoni Ewropea. L-inizjattiva tal-effiċjenza enerġetika għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises), immexxija mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), għandha l-għan li tgħin lill-SMEs biex jużaw teknoloġiji li ntwerew li jiffrankaw l-enerġija ħalli jbaxxu l-kontijiet tad-dawl tagħhom u jżidu r-reżiljenza u l-kompetittività tagħhom.

L-isforz ta’ finanzjament ta’ kważi €17.5 biljun mill-Grupp tal-BEI kważi se jirdoppja l-livell ta’ appoġġ ta’ bħalissa tul il-perjodu 2025–2027. Se jkun immirat lejn il-passi tal-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni meħuda mill-SMEs u se juża taħlita ta’ prodotti finanzjarji eżistenti u ġodda, inklużi strumenti ta’ dejn u ekwità.

L-inizjattiva għandha l-għan li timmobilizza investiment totali ta’ aktar minn €65 biljun sal-2027 għall-iffrankar tal-enerġija mill-SMEs, u b’hekk tgħin biex tindirizza nuqqas tas-suq fl-Ewropa. L-inizjattiva tħabbret illum f’konferenza fi Brussell. Id-diskorsi fl-avveniment se jkunu disponibbli fuq l-EBS.

“Dan huwa pass sinifikanti ’l quddiem fl-appoġġ biex ngħinu lill-kumpaniji jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija,” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño. “U minħabba li l-SMEs huma l-pedament tal-ekonomija tal-UE, dan huwa wkoll pass importanti biex tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa.”

“L-SMEs huma fil-qalba tal-ekonomija u l-istil ta’ ħajja tal-Ewropa. Iżda jinvestu fl-effiċjenza enerġetika biss b’nofs ir-rata ta’ kumpaniji akbar,” qal il-Kummissarju għall-Enerġija u għall-Akkomodazzjoni Dan Jørgensen. “Din l-inizjattiva tal-BEI appoġġata mill-Kummissjoni se tkun kruċjali biex timtela lakuna fl-investiment, jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-finanzjament, u jitħaffef l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika. B’SMEs aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, nagħtu spinta lill-ekonomija tagħna, nibbenefikaw lill-klima tagħna, u nżommu l-polz b’saħħtu fil-komunitajiet madwar l-Ewropa.”

Biex tissimplifika l-aċċess u l-appoġġ għan-negozji, l-inizjattiva se tintroduċi “one-stop-shop għall-effiċjenza enerġetika għall-SMEs.” Dan huwa punt ta’ dħul uniku li jintegra l-offerta sħiħa ta’ self intermedjat tal-Grupp tal-BEI, u b’hekk jissimplifika l-interazzjoni u jaċċellera l-implimentazzjoni.

Taħt l-inizjattiva l-ġdida, il-Grupp tal-BEI se jappoġġa pjattaformi ta’ investiment dedikati li jaħdmu flimkien mas-sħab tas-settur privat, speċifikament immirati lejn proġetti tal-effiċjenza enerġetika tal-SMEs. Lil hinn mill-finanzjament ta’ proġetti konkreti ġodda, dawn il-pjattaformi se jwessgħu l-bażi tal-investituri u jattiraw kapital kruċjali lejn l-ekosistema tal-effiċjenza enerġetika tal-Ewropa.

Il-Grupp tal-BEI qed jissieħeb mas-Solar Impulse Foundation, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, biex jippromwovi mudell magħruf bħala “servitizzazzjoni” jew l-effiċjenza enerġetika bħala servizz. Imħabbar għall-ewwel darba fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima COP29, dan l-approċċ ġdid jinvolvi li l-kumpaniji jaqilbu mill-bejgħ ta’ prodotti fiżiċi għall-għoti tar-riżultati. Pereżempju, minflok ma l-SMEs jixtru tagħmir tat-tisħin jew tad-dawl effiċjenti fl-użu tal-enerġija, iħallsu għas-sħana jew id-dawl li jużaw. Il-fornitur tas-servizz jibqa’ s-sid tat-tagħmir u jiżgura li jaħdem sew. Dan il-mudell jelimina l-ispejjeż tal-investiment bil-quddiem għan-negozji, u jagħmilha aktar faċli u malajr li jadottaw miżuri tal-effiċjenza enerġetika.

“L-effiċjenza enerġetika hija l-aktar riżorsa b’saħħitha u sottovalutata tal-Ewropa,” qal Bertrand Piccard, l-inizjatur u ċ-chairperson tas-Solar Impulse Foundation. “Kull kilowatt-siegħa ffrankata tfisser iżjed flus u inqas emissjonijiet. Is-Solar Impulse Foundation diġà identifikat aktar minn 1,600 soluzzjoni profittabbli li juru li l-effiċjenza mhijiex spiża iżda qligħ. B’din l-inizjattiva, issa nistgħu nġibu dawn l-innovazzjonijiet lil mijiet ta’ eluf ta’ SMEs madwar l-Ewropa, biex inżidu r-reżiljenza u l-kompetittività tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar nagħtu spinta lill-pożizzjoni industrijali ewlenija tal-UE.”

Il-Kummissjoni llum qed tniedi wkoll grupp ta’ ħidma ddedikat taħt il-Koalizzjoni Ewropea għall-Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika, iffukat fuq l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps), bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ostakli u jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ finanzjament adattati għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar madwar l-Ewropa.

L-appoġġ mill-Kummissjoni se jinkludi garanziji tal-baġit tal-UE u servizzi ta’ konsulenza offruti permezz tal-programm ta’ investiment magħruf bħala InvestEU u s-sottoprogramm LIFE għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa.

Flimkien, dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn tal-Grupp tal-BEI u tal-Kummissjoni biex jappoġġaw lill-SMEs fit-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom u, b’estensjoni, biex jaċċelleraw l-isforzi tal-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa skont il-Patt għal Industrija Nadifa u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli tal-UE.

Niżblokkaw investimenti fl-effiċjenza enerġetika

Fl-attività, il-Grupp tal-BEI ppreżenta rapport ġdid li jenfasizza l-esperjenza tal-organizzazzjoni fejn appoġġat l-effiċjenza enerġetika madwar l-Ewropa, flimkien mas-sejbiet mill-Istħarriġ dwar l-Investiment tal-BEI dwar il-muturi ewlenin u l-ostakli għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fost il-kumpaniji tal-UE. Ir-rapport isib li, bħala medja, in-negozji Ewropej jonfqu aktar mill-fatturat tagħhom fuq il-kontijiet tad-dawl mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, il-kumpaniji Ewropej wieġbu għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija billi investew fl-effiċjenza enerġetika.

Informazzjoni ġenerali  

BEI

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni għal self fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Il-BEI jiffinanzja investimenti fi tmien prijoritajiet ewlenin li jappoġġaw l-objettivi tal-politika tal-UE: l-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, Ewropa aktar b’saħħitha f’dinja aktar paċifika u għanja, u l-unjoni tas-swieq kapitali tal-Ewropa.  

Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma kważi €89 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġett ta’ impatt għoli fl-2024, biex b’hekk saħħaħ il-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa.    

Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-UE għandu fil-mira r-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul għal kull ras huwa inqas mill-medja tal-UE, filwaqt li kważi 60% tal-investimenti annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġaw l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali.

Ritratti ta’ kwalità għolja u aġġornati tal-kwartieri ġenerali tagħna għall-użu mill-media huma disponibbli hawnhekk. 

InvestEU

Il-programm InvestEU jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b’finanzjament kruċjali fit-tul billi jingrana fondi privati u pubbliċi sostanzjali b’appoġġ għal irkupru sostenibbli. Jgħin ukoll jimmobilizza investimenti privati għall-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni Ewropea, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni diġitali. Il-programm InvestEU jiġbor flimkien taħt kappa waħda l-għadd kbir ta’ strumenti finanzjarji tal-UE attwalment disponibbli biex jappoġġaw l-investiment fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk il-finanzjament għal proġetti ta’ investiment fl-Ewropa jsir aktar sempliċi, aktar effiċjenti u aktar flessibbli. Il-programm jikkonsisti fi tliet komponenti: il-Fond InvestEU, iċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU, u l-Portal InvestEU. Il-Fond InvestEU huwa implimentat permezz ta’ sħab finanzjarji li se jinvestu fi proġetti bl-użu tal-garanzija tal-baġit tal-UE ta’ €26.2 biljun. Il-garanzija tal-baġit kollha se tappoġġja l-proġetti ta’ investiment tas-sħab tal-implimentazzjoni, iżżid il-kapaċità tagħhom li jieħdu r-riskju u b’hekk timmobilizza mill-inqas €372 biljun f’investiment addizzjonali.

Contact

Bruno Hoyer

Reference

2025-331-MT