- Il-finanzjament għas-sigurtà tal-enerġija żdied għal ammont rekord fl-2025, b’€11.6 biljun investiti fil-grilji Ewropej, u mmobilizza madwar terz tal-investiment totali fit-tranżizzjoni tal-enerġija
- L-akbar programm ta’ finanzjament li qatt kien hawn għall-istartups, l-iscale-ups u l-infrastruttura teknoloġika jikkonsolida l-pożizzjoni tal-Grupp tal-BEI bħala l-pedament tal-ekosistema tal-UE għall-kapital ta’ riskju
- L-ambitu għall-investimenti fis-sigurtà u d-difiża kiber, il-finanzjament żdied b'erba’ darbiet biex laħaq kważi 5% tan-negozju annwali tal-Grupp tal-BEI fl-UE, f’sena fejn intlaħaq stadju importanti ta’ deċiżjonijiet storiċi
- Il-finanzjament għall-innovazzjoni u r-rinnovazzjoni tad-djar kif ukoll għall-kostruzzjonijiet ġodda żdied b’50%, filwaqt li aktar minn nofs il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI fl-UE mar għal proġetti f’reġjuni ta’ koeżjoni
Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qiegħed juża l-mezzi kollha tiegħu biex jappoġġa l-kompetittività Ewropea, is-sigurtà u l-awtonomija strateġika, b’ammont rekord ta’ €100 biljun f’finanzjament annwali. Ir-riżultati mill-attività tal-Grupp tal-BEI fl-2025 juru ammonti għoljin storiċi f’investiment ġdid għat-tranżizzjonjiet ekoloġiċi u diġitali, għas-sigurtà u d-difiża Ewropej, għal prijoritajiet kondiviżi inklużi l-akkomodazzjoni, u għat-tisħiħ ta’ sħubijiet u alleanzi fejn jirbaħ kullħadd fl-Ukrajna, fil-pajjiżi ta’ adeżjoni u madwar id-dinja.
“L-Ewropa hija superpotenza, u jeħtieġ li nagħmlu dak i nifilħu nagħmlu u nemmnu fil-kapaċitajiet tagħna,” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño. “Il-Grupp tal-BEI qed jagħmel differenza. Qiegħed jinvesti fi prosperità, sigurtà, awtonomija strateġika u valuri Ewropej kondiviżi, sabiex l-Ewropa twettaq il-wegħdiet tagħha liċ-ċittadini u lis-sħab.”
Tranżizzjoni lejn il-futur
Kważi 60% tal-finanzjament totali tal-Grupp tal-BEI fl-2025 mar fuq proġetti ekoloġiċi, minn grilji tal-enerġija kbar u interconnectors għall-varar ta’ faċilitajiet ta’ ħżin u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, teknoloġiji ġodda għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija peżanti, kif ukoll investiment fl-adattament, bħall-infrastruttura tal-ilma, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet għat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu.
Ammont rekord ta’ €11.6 biljun kien iddedikat għal grilji u proġetti ta’ ħżin, li jappoġġa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Huwa stmat li l-finanzjament iffirmat is-sena li għaddiet se jgħin għall-kostruzzjoni jew it-titjib ta’ 56,000 km ta’ linji tal-elettriku, mill-interconnector prominenti tal-Golf tal-Biskalja bejn il-Peniżola tal-Iberja u Franza, għal kejbil taħt il-baħar li jgħaqqad żewġ reġjuni fl-Italja ċentrali, għal grilji lokali u infrastruttura tal-enerġija munċipali fil-Ġermanja.
Il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI sostna kwinta tal-kapaċità solari kollha li ġiet installata mill-ġdid, wieħed minn kull tliet proġetti ta’ enerġija mir-riħ fuq l-art, kif ukoll il-maġġoranza kbira tal-proġetti kollha ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fl-2025. Prodotti ta’ finanzjament żviluppati apposta appoġġaw lill-industriji tal-UE fl-oqsma tal-enerġija mir-riħ u tal-grilji, filwaqt li volumi għoljin ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika li laħqu livelli rekord huma mistennija li se jnaqqsu l-kontijiet għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u għall-unitajiet domestiċi. Il-finanzjament mill-Grupp tal-BEI appoġġa madwar terz tal-investiment totali fl-enerġija fl-UE s-sena li għaddiet.
Minbarra t-teknoloġiji nodfa, il-Grupp tal-BEI qed jappoġġa l-innovazzjoni domestika fis-saħħa u l-bijoteknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji fixkiela oħrajn, infrastrutturi diġitali u materja prima kritika. Bil-varar ta’ TechEU s-sena li għaddiet, l-akbar programm ta’ finanzjament li qatt kien hawn għall-innovazzjoni, il-Grupp tal-BEI qed jippjana li jimmobilizza ta’ mill-inqas €250 biljun f’investiment sal-2027, biex jiżgura li l-ideat, it-teknoloġiji u l-kumpaniji innovattivi mwielda fl-UE jkunu jistgħu jibqgħu, jikbru u jiffjorixxu hawnhekk fl-UE. Il-finanzjament varat is-sena li għaddiet weħidha huwa stmat li jimmobilizza aktar minn €100 biljun f’investiment, networks tas-6G imħaddma bl-IA, u l-manifattura tas-semikondutturi
Bħala finanzjatur ewlieni tal-innovazzjoni, il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) – is-sussidjarju tal-BEI għall-finanzjament ta’ riskju – ipprovda qrib is-€16-il biljun f’garanziji u finanzjament ta’ ekwità għan-negozji żgħar u startups madwar l-UE. Il-FEI huwa stmat li kkontribwixxa kważi kwart tal-kapital ta’ riskju kollu li nġabar minn fondi Ewropej is-sena li għaddiet. Fix-xhur li ġejjin, se tespandi l-Inizjattiva taċ-Champions Ewropej tat-Teknoloġija tagħha, biex b’hekk tibni fuq is-suċċess enormi tal-ewwel fażi, li diġà ankrat il-ħolqien ta’ 12-il mega fond għall-kapital ta’ riskju fl-Ewropa, u l-iskalar ta’ 35 startup – inklużi disa’ unicorns.
Sigurtà u difiża
B’risposta għax-xenarju ġeopolitiku ġdid, il-Grupp tal-BEI espanda b’mod sinifikanti l-ambitu tal-attivitajiet tiegħu fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża u fi proġetti ddedikati għal użu militari. L-investimenti fis-sigurtà u d-difiża mmultiplikaw b’erba’ darbiet għal aktar minn €4 biljun, qrib il-5% tal-finanzjament tal-UE tal-Grupp tal-BEI.
Bis-saħħa ta’ din il-bidla fil-pass, il-Grupp tal-BEI għandu rwol ewlieni fis-salvagwardar tal-paċi u s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE, bi proġetti ewlenin li jvarjaw minn kampijiet militari u faċilitajiet ta’ manutenzjoni, sa riċerka u żvilupp f’sistemi tar-radar avvanzati u l-avjonika, u minn sensors li huma essenzjali għall-protezzjoni ta’ qiegħ il-baħar tal-Ewropa u assi taħt il-baħar għall-infrastruttura taċ-ċibersigurtà u kapaċitajiet tal-ispazju.
Barra minn hekk, il-Grupp tal-BEI witta t-triq għall-industrija finanzjarja tal-UE, billi aġixxa bħala katalist għall-kumpaniji li jappoġġaw il-kapaċitajiet ta’ deterrenza tal-Ewropa. Permezz ta’ ftehimijiet ta’ tislif intermedjati ffirmati ma’ banek kummerċjali fil-Ġermanja, Franza, Spanja, il-Greċja u l-Awstrija, il-Grupp tal-BEI qed jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal kumpanji ta’ daqs żgħir u medju fil-katina tal-provvista tal-kuntratturi l-kbar tad-difiża tal-Ewropa, filwaqt li l-FEI kien qed irawwem, bħala investitur ankra, l-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ kapital ta’ riskju li tinvesti fid-ditti ta’ difiża b’approċċ pan-Ewropew.
Nirfdu l-mudell ekonomiku u l-valuri tal-Ewropa
Il-Grupp tal-BEI qed jiffoka fuq investimenti li jirfdu l-mudell ekonomiku u l-valuri tal-Ewropa. L-investimenti għall-koeżjoni telgħu għal ammont rekord, b’aktar minn 50% tal-investiment tal-UE tal-Grupp imur għal proġetti fir-reġjuni inqas żviluppati tal-Ewropa.
Il-Pjan għal Akkomodazzjoni Affordabbli u Sostenibbli tal-Grupp tal-BEI (disponibbli bl-Ingliż (EN), bil-Franċiż (FR) u bil-Ġermaniż (DE)) li tnieda fl-2025 flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, żied il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI għall-innovazzjoni, ir-rinnovazzjoni u bini ġdid għal aktar minn €5 biljun, żieda ta’ kważi 50% fuq bażi annwali, bi tnaqqis ulterjuri ppjanat għall-2026. Minn residenzi għall-istudenti fil-Greċja, għal akkomodazzjoni soċjali fil-Belġju, minn sptarijiet u faċilitajiet tas-saħħa fi Spanja, għal skejjel primarji fi Franza, il-finanzjament għall-infrastruttura soċjali li l-impatt tagħha jinħass kuljum miċ-ċittadini tal-UE huwa prijorità ewlenija għall-Grupp tal-BEI.
Il-finanzjament għall-agrikultura u l-bijoekonomija wkoll żdied għal ammont rekord ta’ kważi €8 biljun, biex isaħħaħ settur vitali għall-ekonomija u s-sigurtà tal-ikel tal-Ewropa, jappoġġa l-komunitajiet rurali, u joħloq futuri vijabbli għall-bdiewa żgħażagħ u ġodda, li jiffaċċjaw ostakli ta’ finanzjament.
Nibnu pontijiet u sħubijiet fejn jirbaħ kullħadd madwar id-dinja
Il-Grupp tal-BEI vara wkoll aktar minn €9 biljun għal operazzjonijiet tal-BEI Globali tiegħu, biex jibni sħubijiet globali fejn jirbaħ kullħadd li jankraw lill-Ewropa bħala sieħba fdata f’dinja li qed tinbidel, sabiex jittejbu l-kundizzjonjiet tal-għajxen f’ħafna oqsma. Pereżempju, fl-2025, il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI għal proġetti tal-ilma żdied għal ammont rekord ta’ €5 globalment.
Il-finanzjament għall-Ukrajna żdied għal livell rekord ġdid u issa qabeż l-€4 biljun sa mill-bidu tal-invażjoni mir-Russja, bi proġett ġdid iffirmat jew inawgurat kull ġimgħa, minn skejjel, sptarijiet u faċilitajiet għall-komunità għal tisħin distrettwali u provvista ta’ enerġija.
Orjentazzjoni strateġika ta’ BEI Globali ġiet adottata fl-2025, li tallinja bis-sħiħ l-operat tagħna mal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE. Il-BEI huwa l-akbar finanzjatur pubbliku fid-dinja fil-qasam tal-ilma u mexxej globali fl-investimenti fis-saħħa, l-enerġija nadifa u t-trasport. L-investimenti fl-appoġġ għas-settur pubbliku u l-intraprenditorija joħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ u n-nisa f’ekonomiji emerġenti.
Nagħmlu aktar u nagħmlu l-affarijiet aħjar
B’mod parallel maż-żieda fil-volum tal-attivitajiet tiegħu, il-Grupp tal-BEI ssimplifika l-proċessi interni tiegħu, bil-għan li jaċċelera d-deċiżjonijiet ta’ investiment u jnaqqas iż-żmien li jieħu biex prodott jasal fis-suq. Ġew introdotti punti uniċi ta’ servizz għall-klijenti, b’verifikaturi tal-investiment u dipendenza fuq oqfsa regolatorji stabbiliti, li huma mfassla biex jgħinu lill-intraprendituri tal-Ewropa jirċievu l-finanzjament meħtieġ, fil-mument it-tajjeb, u l-iskala korretta biex issir differenza.
Ir-rapport sħiħ tal-attività, li jinkludi lista ta’ eżempji ta’ proġetti ewlenin jinsab hawnhekk.
Sommarju taċ-ċifri ewlenin għall-2025 jinsab hawnhekk: [EN] [FR] [DE] [IT] [ES
Il-preżentazzjoni tar-riżultati operazzjonali[1] annwali tal-Grupp tal-BEI inklużi eżempji ta’ proġetti se jkunu disponibbli hawnhekk wara l-konferenza stampa
[1] Iċ-ċifri kollha għadhom ma ġewx awditjati u huma proviżorji, jirreferi għall-firem u huma għall-Grupp tal-BEI sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Photographer: Liam McEvoy
©EIB
Download original
Photographer: Liam McEvoy
©EIB
Download original
Photographer: Liam McEvoy
©EIB
Download original
Photographer: Liam McEvoy
©EIB
Download original