>@EIB
  • Fil-laqgħa annwali tal-Bord tal-Gvernaturi, il-ministri tal-finanzi tal-UE laqgħu l-finanzjament tal-bank tal-UE għal investiment strateġiku
  • L-ogħla finanzjament li qatt sar immirat għas-settur tas-sigurtà, inkluż fit-teknoloġiji l-ġodda li l-Ewropa teħtieġ għas-sigurtà u d-difiża tagħha fuq żmien fit-tul

Il-Grupp tal-Bank Ewropew taI-Investiment (Grupp tal-BEI) se jżid il-finanzjament tiegħu għall-industrija tas-sigurtà sal-ogħla livell li qatt sar, fejn jafferma l-impenn tiegħu biex jappoġġa d-difiża, l-awtonomija strateġika kif ukoll l-aġenda klimatika ambizzjuża tal-Ewropa. 

Fil-laqgħa annwali tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI fil-Lussemburgu llum, il-ministri tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea laqgħu r-rwol ewlieni tal-Bank biex itaffi l-impatt tat-theżżiżiet ekonomiċi skattati mill-invażjoni brutali u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja. Din il-laqgħa segwiet deċiżjoni mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fil-15 ta’ Ġunju, biex l-investimenti fis-sigurtà jiżdiedu minn €6 biljun għal €8 biljun sal-2027.

Il-Bord tad-Diretturi tal-BEI approva żieda fid-daqs tal-pjan iddedikat SESI (Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea) għal investiment fis-sigurtà li ġie adottat is-sena li għaddiet. Filwaqt li l-prijoritajiet identifikati jibqgħu validi, se tingħata enfasi addizzjonali għall-mobbiltà militari, l-ispazju, is-sigurtà ekoloġika u l-infrastruttura kritika.

Separatament, il-Bord tad-Diretturi approva wkoll €1.6 biljun f’għoti ta’ self ġdid, li jinkludi appoġġ għall-akbar gigafactory ta’ pannelli solari fl-Italja, aġġornamenti fit-tisħin distrettwali fi bliet madwar Franza kollha, l-iskalar tal-ġestjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ fir-Rumanija, u l-bini ta’ żewġ parks eoliċi ġodda fil-pajjiżi Baltiċi u t-titjib tal-konnessjonijiet tat-telekomunikazzjoni fl-Afrika.

“Aħna qegħdin nagħtu spinta bil-qawwa lill-appoġġ tagħna għall-kompetittività industrijali, l-investiment ta’ prijorità u t-teknoloġiji b’użu doppju rivoluzzjonarji tal-Ewropa, fejn qed niskjeraw il-firxa sħiħa tar-riżorsi tagħna bil-mod l-aktar flessibbli possibbli,” jgħid il-President tal-BEI Werner Hoyer. “Il-messaġġ tiegħi lill-Gvernaturi tagħna llum huwa li żminijiet straordinarji jeħtieġu miżuri straordinarji. Hemm fir-riskju l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea, fil-livell domestiku u internazzjonali.”

Il-President Hoyer spjega lill-ministri dwar l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI matul is-sena ta’ qabel, inkluż €72.5 biljun f’finanzjament ġdid iffirmat fl-2022, kif ukoll operazzjonijiet fl-Ukrajna. “Il-mexxejja tal-UE tawna mandat ċar biex “inżidu” l-appoġġ tagħna għall-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna, u dan huwa dak li qed nagħmlu bit-tnedija tal- inizjattiva u l-Fond tal-UE għall-Ukrajna,” Hoyer qal. “Aħna ddeterminati li nkomplu bir-rwol strumentali li l-Grupp tal-BEI wettaq fis-snin li għaddew fit-twettiq tal-politiki u l-istrateġija tal-UE.”

Il-BEI ffirma aktar minn €1.5 biljun f’finanzjament ġdid għal proġetti allinjati mas-SESI fl-2022 u jibqa’ impenjat bis-sħiħ biex jappoġġa s-sigurtà Ewropea. It-teknoloġiji l-ġodda b’użu doppju li l-Ewropa se teħtieġ biex tibqa’ sigura fuq żmien fit-tul għadhom prijorità ewlenija taħt is-SESI. Id-deċiżjonijiet ta’ din il-ġimgħa ma jibdlux dak li huwa eliġibbli għall-finanzjament u lanqas ma jimmodifikaw id-definizzjoni tal-attivitajiet esklużi jew is-setturi esklużi tal-BEI.

President Ġdid tal-Bord tal-Gvernaturi

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI jinkludi s-27 ministru tal-finanzi u l-ekonomija tal-UE. Il-laqgħa annwali tal-lum kienet ippreseduta minn Elisabeth Svantesson, il-Ministru tal-Finanzi tal-Iżvezja. Il-Gvernaturi approvaw il-kontijiet tal-BEI u nnominaw Bord tad-Diretturi ġdid.

 “Il-BEI huwa strumentali biex iwassal appoġġ immirat għall-innovazzjoni, il-kompetittività u t-tranżizzjoni veloċi u ġusta lejn emissjonijiet żero netti,” qalet Svantesson, filwaqt li għaddiet il-presidenza b’rotazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi lill-Belġju. “Huwa u se jibqa’ għodda kritika għat-twettiq tal-politika tal-UE.”

“Il-BEI witta t-triq billi dderieġa investiment tant meħtieġ b’rispons għal sensiela ta’ kriżijiet – mill-emerġenza tal-klima għall-pandemija, u għall-impatt negattiv ta’ din il-gwerra terribbli,” qal Vincent Van Peteghem, il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju. “Huwa unur li nippresjedi l-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank tal-UE, il-Bank tagħna, hekk kif inwettqu l-prijoritajiet komuni tagħna, kemm fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll globalment.”

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Grupp tal-BEI huwa l-istituzzjoni ta' tislif fuq żmien fit-tul tal-UE u huwa l-proprjetà tal-istati membri tagħha. Dan jikkonsisti fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Aħna niffinanzjaw investimenti sodi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politiki tal-UE, inklużi l-koeżjoni soċjali u territorjali u t-tranżizzjoni ġusta globali lejn in-newtralità klimatika.

Il-BEI huwa l-ewwel bank multilaterali tal-iżvilupp li temm l-appoġġ għall-karburanti fossili u għamel impenn li jappoġġa €1 triljun f’investiment għall-klima dan id-deċennju. Aktar min-nofs is- self tal-Grupp tal-BEI fl-2022 kien iddedikat għal proġetti tal-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li kważi nofs il-finanzjament tal-BEI ġewwa l-UE kien iffirmat għal proġetti f’reġjuni tal-koeżjoni, fejn id-dħul għal kull ras huwa aktar baxx, u dan jenfasizza l-impenn tal-Bank għal tkabbir ekwu. 

Il-Grupp tal-BEI huwa l-mexxej tal-innovazzjoni tal-Ewropa. Il-FEI jappoġġa lill-SMEs tal-Ewropa billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ intermedjarji finanzjarji magħżula bħal banek, kumpaniji ta’ garanziji u lokazzjoni, fornituri tal-mikrokreditu u fondi ta' ekwità privata. Il-FEI jfassal u joffri strumenti ta’ finanzjament ta’ dejn u ekwità li jrawmu l-objettivi tal-UE, u jingrana l-għodod ta’ finanzjament tal-UE, bħall-programm InvestEU, biex jappoġġa l-intraprenditorija, it-tkabbir, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tranżizzjoni diġitali u l-impjiegi. Aktar kmieni din is-sena, huwa nieda l-Inizjattiva Ewropea taċ-Champions tat-Teknoloġija, Fond ta’ Fondi ambizzjuż li jfittex li jiżgura li l-pijunieri tat-teknoloġija magħmula fl-Ewropa, jibqgħu fl-Ewropa.

L-attivitajiet tal-BEI barra mill-UE jitwettqu minn BEI Globali. Bħala msieħba ewlenija fil-Global Gateway tal-UE, aħna nimmiraw li nappoġġaw tal-inqas €100 biljun ta’ investiment sal-2028, terz tal-mira tal-istrateġija. B’uffiċċji mad-dinja kollha, BEI Globali hija qrib in-nies, id-ditti u l-istituzzjonijiet lokali, u trawwem sħubiji sodi tat-Tim Ewropa ma’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI, ara https://www.eib.org/en/about/eib-at-a-glance