>@Hamish Duncan/Unsplash
©Hamish Duncan/ Unsplash
  • Il-Bank Ewropew tal-Investiment jipprovdi EUR 28 miljun lill-fornitur tat-telekomunikazzjoni GO sabiex jestendi u jtejjeb in-netwerk tal-broadband b’linja fissa
  • Il-finanzjament huwa ggarantit mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tal-Pjan Juncker

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u GO p.l.c. (GO) iffirmaw self ta’ EUR 28 miljun biex jiġu ffinanzjati l-investimenti tal-GO fl-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni. Il-GO hija elenkata fil-Borża ta’ Malta u hija l-kumpanija ewlenija tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni fil-pajjiż. Is-self tal-BEI huwa appoġġjat mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-pilastru finanzjarju tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, il-Pjan Juncker. Il-proġett huwa l-ewwel wieħed li jinsab kompletament f’Malta sabiex jibbenefika mill-garanzija tal-FEIS.

Il-proġett, li se jiġi implimentat fuq medda ta’ tliet snin, se jappoġġja l-investimenti tal-GO li għandhom fil-mira netwerk ta’ kapaċità għolja ħafna (VHC) għal-linji fissi u mowbajls ma’ Malta kollha. GO se tuża s-self tal-BEI biex gradwalment tintroduċi n-netwerk tagħha Fibre to the Home (FTTH) biex tkopri aktar minn 70,000 unità domestika addizzjonali. Dan il-proġett huwa parti minn programm ta’ investiment ta’ bosta snin li għadu għaddej li permezz tiegħu l-GO qiegħda ssaħħaħ l-infrastruttura tagħha, tintroduċi teknoloġiji ġodda u ttejjeb l-operazzjonijiet bl-objettiv li ttejjeb l-esperjenza tal-klijenti.

Il-Viċi-President tal-BEI Dario Scannapieco qal: “Il-finanzjament ta’ netwerks infrastrutturali huwa wieħed mill-pilastri fl-istorja tal-BEI u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni ġew miżjuda ma’ infrastrutturi aktar tradizzjonali bħat-toroq, l-awtostradi, il-linji tal-ferroviji u n-netwerks tal-elettriku. Implimentazzjoni rapida tat-teknoloġija tal-broadband tal-aħħar ġenerazzjoni hija kruċjali għall-popolazzjoni u għall-ekonomija Maltija."

Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella qal: “Ninsab kuntent ħafna li Malta fl-aħħar irċeviet l-ewwel self dirett tal-BEI taħt il-Pjan Juncker. Hija aħbar tassew pożittiva li n-nies li jgħixu u jaħdmu f’Malta dalwaqt se jibbenefikaw minn broadband b’veloċità għolja mtejjeb u aktar estensiv. Inħeġġeġ lil aktar kumpaniji Maltin biex jieħdu vantaġġ mill-appoġġ finanzjarju offrut kemm taħt il-Pjan Juncker kif ukoll il-Programm InvestEU futur li jibda fl-2021.”