• Il-Ministri li ltaqgħu fil-Lussemburgu llum jilqgħu l-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-President Calviño biex tiġi aġġornata d-definizzjoni ta’ proġetti b’użu doppju u jiġu estiżi l-linji ta’ kreditu tal-BEI għall-SMEs u n-negozji ġodda innovattivi fis-sigurtà u d-difiża.
  • Minbarra l-proċessi interni ta’ approvazzjoni tal-Grupp tal-BEI, il-Bank Ewropew tal-Investiment se jadatta l-politika tiegħu għas-self lill-industrija tas-sigurtà u d-difiża filwaqt li jissalvagwardja l-kapaċità ta’ finanzjament tiegħu.
  • Mill-1 ta’ Mejju, se jiġu stabbiliti Task Force u “punt uniku ta’ servizz” biex jissimplifikaw il-proċessi tal-Grupp tal-BEI, u b’hekk iħaffu l-investimenti u l-aċċess għas-EUR 6 biljun allokati għal proġetti f’dan is-settur.
  • Il-Grupp tal-BEI se jsaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u sħab oħra biex iżid l-impatt, is-sinerġiji u l-komplementarjetà.

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (Grupp tal-BEI) se jaġġorna l-politiki u l-qafas tiegħu għas-self lill-industrija tas-sigurtà u d-difiża. Dan jinkludi aġġornament tad-definizzjoni ta’ oġġetti u infrastruttura b’użu doppju, kif ukoll appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u negozji ġodda, u impenn biex jitħaffef l-użu ta’ fondi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa.

It-tisħiħ tal-appoġġ tal-Grupp tal-BEI għas-salvagwardja tal-paċi u s-sigurtà tal-Ewropa huwa wieħed mill- prijoritajiet strateġiċi ewlenin deskritti mill-President Calviño u approvati mill-Ministri tal-Finanzi tal-UE, fil-laqgħa tagħhom ta’ Frar u mill-Parlament Ewropew. Imbagħad intlaħaq qbil li proposti konkreti għandhom jiġu diskussi f’April.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija tas-Sigurtà u d-Difiża tal-Grupp tal-BEI ġie żvelat illum mill-President tal-BEI Nadia Calviño fil-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE (ECOFIN) fil-Lussemburgu. Il-Pjan ta’ Azzjoni jsegwi minn xahrejn ta’ involviment intensiv mal-azzjonisti tal-Bank, il-partijiet ikkonċernati ewlenin u s-swieq, u jaġixxi fuq il-mandat reċenti tal-Kunsill Ewropew biex ikompli jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament għad-ditti tad-difiża Ewropej, filwaqt li jissalvagwardja l-kapaċità ta’ finanzjament tal-Grupp tal-BEI

“Se nżidu u naċċelleraw l-appoġġ tagħna għall-industrija tas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa filwaqt li nissalvagwardjaw il-kapaċità ta’ finanzjament tagħna u l-ogħla standards Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza. Bħala l-fergħa finanzjarja tal-UE, irridu nikkontribwixxu biex niżguraw il-paċi u s-sigurtà tal-Ewropa. Il-Pjan ta’ Azzjoni li tnieda llum se jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għall-proġetti Ewropej. Aħna se naħdmu flimkien mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, biex inħaffu l-proġetti li jiżguraw il-benesseri taċ-ċittadini tagħna”, qalet il-President Calviño.

Għall-ġejjieni, il-Bank se jirrinunzja għar-rekwiżit li l-proġetti b’użu doppju jiksbu aktar minn 50 % tad-dħul mistenni tagħhom mill-użu ċivili. Dan se jallinja l-Grupp tal-BEI mal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi li bl-istess mod jillimitaw il-finanzjament tagħhom għal tagħmir u infrastruttura li jservu l-ħtiġijiet militari jew tal-pulizija difensivi kif ukoll ħtiġijiet ċivili, bħar-rikonjizzjoni, is-sorveljanza, il-protezzjoni u l-kontroll tal-ispettru, id-dekontaminazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tagħmir, il-mobbiltà militari, il-kontroll tal-fruntieri u l-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika oħra, u droni.

Barra minn hekk, il-Grupp tal-BEI se jaġġorna r-regoli tiegħu għall-finanzjament tal-SMEs fis-settur tas-sigurtà u d-difiża. Dan se jiftaħ linji ta’ kreditu ddedikati għal għadd kbir ta’ kumpaniji iżgħar u negozji ġodda innovattivi, li jeħtieġu finanzjament għal proġetti b’użu doppju.

Il-Grupp tal-BEI qed jippjana wkoll li jsaħħaħ immedjatament is-sħubijiet u l-kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, inkluż permezz tal-iffirmar u l-aġġornament ta’ memoranda ta’ qbil mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u sħab oħra.

B’mod kruċjali, il-Bank qed jippjana wkoll li jissimplifika u jtejjeb il-proċessi interni tiegħu, filwaqt li joħloq Task Force apposta, u punt uniku ta’ servizz għall-proġetti tas-sigurtà u d-difiża li se jkunu operazzjonali sal-1 ta’ Mejju 2024. Dan se jħaffef l-investimenti u l-aċċess għall-finanzjament tal-Grupp tal-BEI għall-klijenti fis-settur tas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa biex juża s-EUR 6 biljun f’finanzjament disponibbli taħt l-Inizjattiva Strateġika Ewropea għas-Sigurtà (SESI), u b’hekk ikompli jagħti spinta lill-appoġġ konsiderevoli tal-BEI lill-industrija Ewropea tas-sigurtà u d-difiża taħt il-qafas eżistenti. Il-proposti huma soġġetti għall-proċessi interni ta’ approvazzjoni tal-Grupp tal-BEI.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment ilu jappoġġa b’mod attiv l-investiment li jsaħħaħ l-industrija tad-difiża u tas-sigurtà tal-Ewropa mill-2017. Il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Grupp tal-BEI jvarjaw minn ismijiet familjari fis-settur tad-difiża għal negozji ġodda innovattivi.

Taħt l-Inizjattiva Ewropea Strateġika ta’ Sigurtà (SESI), estiża immedjatament wara l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-BEI alloka EUR 8 biljun f’finanzjament għall-perjodu bejn l-2022 u l-2027. Barra minn hekk, il-FEI nieda Faċilità ta’ Ekwità għad-Difiża ta’ EUR 175 miljun f’Jannar 2024, li tista’ tappoġġa lill-SMEs u lin-negozji ġodda fil-qasam, bħal dawk fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Il-ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati taħt l-SESI, mill-bidu tal-gwerra diġà qabżu ż-EUR 2 biljun.

Il-proġetti eliġibbli taħt l-SESI se jinkludu l-mobbiltà militari, l-ispazju, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà ekoloġika, l-infrastruttura kritika, il-protezzjoni tal-fruntieri, u investimenti oħra b’użu doppju, bħad-droni. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fuq il-paġna ddedikata tas-sit web tal-BEI.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-istituzzjoni ta’ self fit-tul tal-Unjoni Ewropea, proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jiffinanzja investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika tal-UE. Il-proġetti tal-BEI jsaħħu l-kompetittività, jixprunaw l-innovazzjoni, jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali, jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà, u jappoġġaw tranżizzjoni ġusta u rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-klassifikazzjoni AAA tal-Grupp tippermettilu jissellef b’kundizzjonijiet favorevoli fis-swieq globali, għall-benefiċċju tal-klijenti tiegħu fl-UE u lil hinn minnha. Il-Grupp għandu l-ogħla standards ESG u proporzjon ta’ kapital tal-ewwel livell ta’ 32 %.