>@PGE Baltica
© PGE Baltica
  • Il-Bank tal-UE jżid id-daqs tal-pakkett tiegħu REPowerEU b’50 %, u jespandi l-eliġibbiltà biex jiffinanzja l-manifattura ta’ Teknoloġiji Strateġiċi b’Emissjonijiet Żero Netti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku
  • Finanzjament addizzjonali huwa mistenni li jimmobilizza aktar minn €150 biljun f’investiment sal-2027
  • Il-Bord tal-BEI japprova wkoll €10 biljun għal proġetti fl-enerġija, fl-innovazzjoni, fl-investiment fin-negozju, fl-edukazzjoni, kif ukoll għall-infrastruttura tal-ilma meqruda mit-terremot fit-Turkija

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Grupp tal-BEI) se jżid il-volumi ta’ finanzjament tiegħu għall-enerġija nadifa għal rekord ġdid u jespandi l-appoġġ immirat u straordinarju tiegħu għall-bini tal-kapaċità ta’ manifattura ta’ teknoloġiji u prodotti strateġiċi tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku b’emissjonijiet żero netti. Il-pakkett approvat illum se jagħti kontribut sostanzjali għall-objettivi deskritti fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għall-Epoka tal-Emissjonijiet Żero Netti tal-Kummissjoni Ewropea.

Fil-laqgħa tiegħu f’Lulju fil-Lussemburgu, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI ddeċieda li jżid il-fondi addizzjonali allokati għal proġetti allinjati ma’ REPowerEU, il-pjan iddisinjat biex itemm id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili, għal €45 biljun. Il-finanzjament addizzjonali huwa miżjud mal-appoġġ diġà sostanzjali tal-BEI għal investimenti nodfa u jirrappreżenta żieda ta’ 50 % meta mqabbel mal-pakkett oriġinali ta’ €30 biljun imħabbar f’Ottubru tal-2022.

Il-Bord tal-BEI ddeċieda wkoll li jwessa’ l-ambitu tas-setturi eliġibbli biex jagħti spinta lill-finanzjament għall-manifattura tal-UE f’teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika. Il-finanzjament addizzjonali se jiġi skjerat sal-2027 u, bħala total, huwa mistenni li jimmobilizza aktar minn €150 biljun f’investiment għas-setturi fil-mira.

“Qed nużaw il-firxa sħiħa tal-kapaċità finanzjarja disponibbli tagħna biex nappoġġaw il-kompetittività industrijali u l-manifattura tal-Ewropa, u t-tnedija ta’ teknoloġiji kritiċi li se jwasslu għal tranżizzjoni rapida u ġusta għal emissjonijiet żero netti,” qal il-President tal-BEI Werner Hoyer. “In-nies tal-Unjoni tagħna dejjem jistgħu jistrieħu fuq l-appoġġ sod tal-Bank tagħhom.”

Is-setturi li huma mistennija jibbenefikaw mill-appoġġ tal-BEI għall-manifattura b’teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku jinkludu teknoloġiji fotovoltajċi solari u termali solari, ir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta, il-batteriji u l-ħżin, il-pompi tas-sħana u t-teknoloġiji ġeotermali, l-elettrolizzaturi u ċ-ċelloli tal-fjuwil, il-bijogass sostenibbli, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, u t-teknoloġiji tal-grilja. Huma eliġibbli wkoll investimenti relatati mal-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika relatata.

Il-Bord tad-Diretturi tal-BEI approva wkoll €10 biljun f’tislif ġdid għal proġetti. L-approvazzjonijiet jinkludu ġenerazzjoni ġdida tar-riħ u solari fi Spanja u fl-Awstrija, titjib tal-grilja fl-Italja, u Gigafabbrika fi Franza li timmanifattura ċelloli tal-batteriji tal-vetturi elettriċi. B’mod ġenerali, il-BEI jinsab fit-triq it-tajba biex iwettaq il-miżuri ta’ appoġġ ta’ REPowerEU li huwa ħabbar.

Il-Bord approva wkoll pakkett komprensiv ta’ appoġġ ta’ €400 miljun għar-restawr tal-infrastruttura tal-ilma tax-xorb, tat-trattament tal-ilma mormi u tal-ilma mill-maltemp u tas-servizzi bażiċi fil-bliet fix-Xlokk tat-Turkija li nqerdu fit-terremoti ta’ Frar. Ukoll barra mill-UE, il-Bord approva finanzjament għal interkonnettur tal-elettriku ġdid bejn l-Ekwador u l-Perù, u finanzjament simplifikat għal proġetti fuq skala żgħira ta’ enerġija nadifa u ta’ tranżizzjoni ekoloġika madwar l-Afrika.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Grupp tal-BEI huwa l-istituzzjoni ta’ finanzjament fit-tul tal-UE, u s-sidien tiegħu huma l-Istati Membri tagħha. Dan iħaddan il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Aħna niffinanzjaw investimenti sodi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika tal-UE, li jinkludu l-koeżjoni soċjali u territorjali, u t-tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika.

Il-BEI kien l-ewwel bank multilaterali tal-iżvilupp li temm l-appoġġ għall-fjuwils fossili u impenja ruħu li jappoġġa €1 triljun f’investiment klimatiku dan id-deċennju. Aktar minn nofs it-tislif tal-Grupp tal-BEI fl-2022 kien iddedikat għal proġetti klimatiċi u tas-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li kważi nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-UE kien iffirmat għal proġetti fir-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul per capita huwa aktar baxx, li jenfasizza l-impenn tal-Bank lejn it-tkabbir ekwu.

Il-Grupp tal-BEI huwa l-promotur tal-innovazzjoni tal-Ewropa. Il-FEI jappoġġa lill-SMEs tal-Ewropa billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ intermedjarji finanzjarji magħżula, bħall-banek, il-kumpaniji ta’ garanzija u ta’ lokazzjoni, il-fornituri ta’ mikrokreditu u l-fondi ta’ ekwità privata. Il-FEI jiddisinja u joffri strumenti ta’ ekwità u ta’ finanzjament tad-djun li jrawmu l-objettivi tal-UE, u jingrana l-għodda ta’ finanzjament tal-UE, bħall-programm InvestEU, biex jappoġġa l-intraprenditorija, it-tkabbir, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tranżizzjoni diġitali u l-impjiegi. Aktar kmieni din is-sena, huwa nieda l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Promoturi tat-Teknoloġija, Fond ta’ Fondi ambizzjuż li jimmira li jiżgura li l-pijunieri tat-teknoloġija li jitrawmu fl-Ewropa jibqgħu fl-Ewropa.

L-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE jitwettqu minn BEI Globali. Bħala sieħeb importanti fil-Global Gateway tal-UE, nimmiraw li nappoġġaw investiment tal-anqas ta’ €100 biljun sal-2028, terz mill-mira tal-istrateġija. B’uffiċċji madwar id-dinja, il-BEI Globali huwa qrib in-nies, id-ditti u l-istituzzjonijiet lokali, u jrawwem sħubijiet b’saħħithom ta’ Tim Ewropa ma’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI ara hawn.