>@EIB
  • L-appoġġ miftiehem għal proġetti li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili jammonta għal €17-il biljun fl-2022.
  • Il-BEI jaqbeż il-mira li jidderieġi tal-inqas 50 % tal-finanzjament totali tiegħu lejn l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, ferm qabel l-għan tal-2025.
  • L-appoġġ għall-investiment biex tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività Ewropea u jiġu avvanzati l-għanijiet tal-politika tal-UE se jkun fost il-prijoritajiet ewlenin għal din is-sena.

Il-Grupp tal-Bank Ewropew taI-Investiment iffirma ammont rekord f’finanzjament ġdid għall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza, il-ħażna u l-grilji fl-2022, li jenfasizza l-impenn sod tal-bank tal-UE biex jiżgura aċċess għal enerġija affordabbli fi żmien ta’ inċertezza estrema. Il-finanzjament totali tal-BEI ffirmat għal proġetti għal enerġija sostenibbli fl-Unjoni Ewropea laħaq €17.06 biljun mingħajr preċedent, hekk kif il-Bank beda jwassal pakkett speċjali ta’ appoġġ għall-pjan REPowerEU biex tintemm id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil Russu.

B’mod ġenerali, il-finanzjament iffirmat tal-Grupp tal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment) is-sena li għaddiet kien ta' €72.5 biljun, li huwa mistenni li jappoġġja madwar €260 biljun f’investiment u joħloq 950 000 impjieg sal-2026. Madwar nofs it-tislif tal-BEI fl-Unjoni Ewropea (46 %) kien iffirmat għal proġetti f’reġjuni tal-koeżjoni, li jirfed l-appoġġ tal-Bank għal tkabbir u konverġenza ekwi madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

“Aħna wettaqna l-wegħdiet tagħna, qbiżna l-miri tagħna, ħadna azzjoni dwar dak li għidna,” qal Werner Hoyer, il-President tal-BEI, mal-ħruġ tar-riżultati annwali tal-Grupp fi Brussell. “Il-bank tal-UE qed imexxi l-iskala sħiħa tal-qawwa finanzjarja tiegħu biex itaffi l-impatt ekonomiku mill-aggressjoni mhux ġustifikata ta’ Putin u jqiegħed il-pedamenti għal irkupru sostenibbli.”

Il-BEI mill-ewwel offra għajnuna immedjata lill-Ukrajna wara li faqqgħet il-gwerra, fejn ħareġ €1.7 biljun f’fondi s-sena li għaddiet biex jgħin jiffinanzja t-tiswijiet ta’ emerġenza fl-infrastruttura tal-pajjiż imfarrka mill-bombi Russi. Il-Bank għadu impenjat biex iżid l-attivitajiet tiegħu fl-Ukrajna, konformi mal-mandat mogħti mill-mexxejja tal-UE, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-imsieħba internazzjonali.

Flimkien mal-appoġġ tiegħu għall-Ukrajna, BEI Globali ffirma finanzjament ġdid ta' €9.1 biljun fl-2022, biex għaldaqstant l-operazzjonijiet totali tal-fergħa tal-BEI għal sħubiji globali mnedija sena ilu ammontaw għal €10.8 biljun.

Il-finanzjament ekoloġiku mill-BEI reġa’ żdied sostanzjalment għal €36.5 biljun (58 % tat-total), jiġifieri, li l-Bank issodisfa l-impenn tiegħu li jiddedika tal-inqas nofs ir-riżorsi tiegħu għall-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, ferm qabel il-mira tiegħu tal-2025. B’mod ġenerali, il-Grupp tal-BEI miexi sew biex jikseb l-objettiv tiegħu li jappoġġja finanzjament ekoloġiku ta' €1 triljun f’dan id-deċennju, wara li diġà appoġġja investiment ta' €222 biljun matul dawn l-aħħar sentejn.

“Fi żmien meta l-Istati Uniti qed twassal l-akbar programm ta’ sussidju ekoloġiku fl-istorja, huwa imperattiv li l-Ewropa żżomm il-pass u tmantni l-perkors, kemm għall-pjaneta tagħna u biex tissalvagwardja l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna,” qal il-President Hoyer. “Il-bank tal-UE se jagħmel il-parti tiegħu biex jiffinanzja l-innovazzjoni magħmula fl-UE stess li ser twassalna għal żero nett.”

Attivitajiet tal-FEI

Fl-2022, il-FEI impenja aktar minn €9 biljun għal negozji żgħar u proġetti għall-klima u l-infrastruttura, li huwa mistenni jimmobilizza investiment ta' €97 biljun b’appoġġ għal tranżizzjoni inklużiva lejn in-newtralità klimatika, it-trasformazzjoni diġitali tal-industriji Ewropej u l-kompetittività tal-intraprendituri tal-UE. Madwar terz tal-ammont iffirmat kellu fil-mira ż-żoni tas-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni ekoloġika, filwaqt li 27 % kien investit f’negozji iżgħar attivi fl-oqsma tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.

Fost perspettiva ekonomika ta’ sfida għall-2023, il-pjanijiet tal-FEI biex ikompli bit-tnedija tal-programm multitematiku InvestEU u jissupplimentah bi pjanijiet ġodda, bħall-Inizjattiva Ewropea taċ-Champions tat-Teknoloġija (European Tech Champions Initiative), li hija mistennija li titnieda fil-ġimgħat li ġejjin biex tappoġġja l-innovazzjoni magħmula fl-UE stess. B’mod kruċjali, l-investimenti tal-ekwità tal-FEI f’industriji ekoloġiċi se jappoġġjaw il-pjan REPowerEU biex tiġi eliminata d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili.

“Billi jkompli jibni fuq il-ħidma li diġà saret, il-FEI ser jibqa’ ffukat u aġli mill-aspett operazzjonali, fejn jadatta għad-dinja li qed tinbidel madwarna, u jipprova jidderieġi r-riżorsi pubbliċi b’mod effettiv lejn fejn huma l-aktar meħtieġa,” qalet Marjut Falkstedt, il-Kap Eżekuttiv tal-FEI. “Aħna se nkomplu nappoġġjaw lin-negozji żgħar Ewropej filwaqt li nkabbru wkoll l-attività tagħna f’soluzzjonijiet ta’ finanzjament orjentati lejn is-sostenibbiltà bħal finanzi għall-klima u l-infrastruttura.

Rispons għall-pandemija

Il-Grupp tal-BEI ħadem malajr biex ikun hemm biżżejjed finanzjament possibbli disponibbli għan-negozji Ewropej meta faqqgħet il-pandemija. Bl-appoġġ ta’ 22 Stat Membru, il-Grupp tal-BEI waqqaf il-Fond ta’ Garanzija Ewropew (FGE) li, f’madwar sentejn ta’ attività, iffirma €20.9 biljun (minn €24.4 biljun disponibbli) f’self, garanziji, ekwità u finanzjament ta’ kważi ekwità. Permezz tal-fondi, in-negozji, b’mod partikolari n-negozji ta’ daqs żgħir u medju, jkunu jistgħu jifilħu l-pandemija u joħorġu minnha. Il-finanzjament kollu ffirmat taħt l-FGE huwa mistenni li jimmobilizza investiment ta' €183.5 biljun għall-ekonomiji Ewropej.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Huwa jiffinanzja investiment sod li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE, inkluża t-tranżizzjoni ġusta globali lejn in-newtralità klimatika. Bħala sussidjarju tal-BEI, il-FEI huwa l-akbar finanzjatur tal-Ewropa ta’ kapital ta’ riskju u ekwità privata.

F’konferenza stampa li saret fi Brussell fit-2 ta’ Frar 2023, il-Grupp tal-BEI żvela wkoll logo ġdid, li jallinja l-marka korporattiva u l-identità viżwali tiegħu ma’ dik ta’ istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-UE. Il-logo l-ġdid huwa bbażat fuq żewġ elementi ewlenin: il-bandiera Ewropea u element grafiku li jirrappreżenta s-siluwett tal-kwartieri ġenerali tal-Grupp tal-BEI fil-Lussemburgu.

Supporting documents and data

Key figures summary

President Hoyer: Overview of 2022 activities (eib.org)