Il-Bank Ewropew tal-Investiment imexxi l-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet istituzzjonali tiegħu mal-universitajiet permezz tal-Azzjoni ta' Riċerka tal-Universitajiet-BEI li tikkonsisti fi tliet programmi differenti:

  • EIBURS, (EIB University Research Sponsorship Programme - Programm ta' Sponsorship għar-Riċerka Universitarja tal-BEI),
  • STAREBEI, (STAges de REcherche BEI - Apprendistati ta' Riċerka tal-BEI), programm ta' finanzjament għal riċerkaturi żgħażagħ li jaħdmu fuq proġetti konġunti tal-BEI u Universitajiet, u
  • EIB University Networks, (Netwerks Universitarji tal-BEI), mekkaniżmu ta' kooperazzjoni għal netwerks universitarji li juru karatteristiċi li huma ta' rilevanza partikolari biex jappoġġaw l-objettivi tal-Grupp tal-BEI.

L-EIBURS jipprovdi għotjiet liċ-Ċentri ta' Riċerka Universitarja li jaħdmu fuq suġġetti ta' riċerka u temi ta' interess kbir għall-Bank. L-isponsorships tal-BEI, li jammontaw sa EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta' tliet snin, jingħataw permezz ta' proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta' riċerka interessati, li huma assoċjati ma' universitajiet tal-UE, jew ta' Pajjiżi ta' Adeżjoni jew fil-Fażi ta' Adeżjoni, b'ħila rikonoxxuta f'oqsma magħżula mill-BEI, sabiex ikunu jistgħu jespandu l-attivitajiet tagħhom f'dawk l-oqsma. Il-proposta rebbieħa tkun tinvolvi l-kisba ta' għadd ta' riżultati (riċerka, organizzazzjoni ta' korsijiet u seminars, netwerking, tixrid ta' riżultati, eċċ.) li jkunu s-suġġett ta' ftehim kuntrattwali mal-Bank.

Għas-sena akkademika 2009/2010, il-programm EIBURS għażel linja ġdida ta' riċerka:

  • Fondi ta' Żvilupp Urban fl-Ewropa: Opportunitajiet, Strutturi, Operazzjonijiet

L-Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni Urbani (JESSICA), li huwa inizjattiva politika tal-Kummissjoni Ewropea u tal-BEI, huwa mfassal biex jippromwovi l-Fondi ta' Żvilupp Urban (UDFs), jiġifieri strumenti ta' inġinerija finanzjarja li jappoġġaw l-investiment fl-iżvilupp sostenibbli urban. JESSICA tirrispondi għall-ħtieġa li tingħata għajnuna għat-tiġdid u t-trasformazzjoni ta' bliet Ewropej, u li tiġi indirizzata l-iskarsezza ta' fondi ta' investiment għal sħubijiet bejn is-settur pubbliku u l-privat (PPPs) u proġetti li jikkonformaw mal-kriterji ta' żvilupp urban integrat u sostenibbli. 

L-inizjattiva hija maħsuba biex trawwem it-tkabbir ta' segment ġdid fis-suq Ewropew tal-fond ta' investiment, li jikkonsisti fi strumenti ta' investiment speċjalizzati fl-identifikazzjoni u l-investimenti f'assi sostenibbli tal-bliet u appoġġ għal operaturi ta' trasformazzjoni urbana li huma kapaċi jiksbu riżultati ta' żvilupp sostenibbli urban. Dan is-settur emerġenti tas-suq tal-fondi għandu xi xebh ma' strumenti eżistenti, bħal fondi ta' infrastruttura, fondi ta' proprjetà immobbli u fondi etiċi, iżda jikkombina wħud mill-karatteristiċi tagħhom fi strutturi organizzattivi ġodda li jiddependu fuq modi ta' governanza speċifiċi, ħiliet professjonali, kapaċitajiet analitiċi u ta' netwerking.

Il-programm ta' riċerka propost għandu jiffoka fuq dan is-settur il-ġdid u jikkaratterizza l-forom tiegħu fid-diversi pajjiżi u reġjuni Ewropej. Il-programm għandu jirrevedi l-aħħar żviluppi u ħsieb attwali dwar il-UDFs, biex b'hekk jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas id-distakk bejn il-komunità professjonali u akkademika. Għandu jikkunsidra wkoll proċessi ta' żvilupp urban fl-Ewropa u l-impatti tagħhom fuq medda ta' żmien medju sa twil fuq id-domanda għal assi u servizzi urbani u l-ħtiġijiet ta' investiment assoċjati. Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-programm huwa li jipprovdi lill- UDFs, bħala investituri fl-iżvilupp urban sostenibbli, b'fehim aħjar tar-riskji u l-opportunitajiet assoċjati ma' investiment fit-tul fi bliet Ewropej. Il-proposta rebbieħa hija mistennija li turi l-kapaċità li jiġu kkombinati l-kapaċità ta' riċerka, l-esperjenza u r-riżorsi ta' dejta tal-kandidat mad-dokumentazzjoni estensiva pprovduta mill-istudji kkummissjonati mill-BEI permezz tal-inizjattiva JESSICA.

Il-programm ta' riċerka propost huwa mistenni li jwassal għal riżultati li jinkludu:

  • dokumenti għal pubblikazzjoni f'ġurnali akkademiċi u professjonali;
  • mudelli organizzattivi/operattivi għal UDFs, inklużi strutturi legali, prinċipji u kriterji ta' prestazzjoni, metodi u punti ta' referenza biex jiġu evalwati u amministrati portafolji ta' assi;
  • moduli ta' taħriġ għal investituri fit-tul, inklużi speċjalisti u professjonisti involuti f'operazzjonijiet u proġetti urbani tat-tip UDF, strutturar finanzjarju u assistenza konsultattiva/teknika.

Id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni ta' proposti hija t-30 ta' Novembru 2009. Proposti ppreżentati wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu lil:

EIB-Universities Research Action
100, boulevard Konrad Adenauer
L-2950 Luxembourg
For the attention of Ms Luisa Ferreira, Co-ordinator.

Għal tagħrif aktar dettaljat dwar il-proċess ta' għażla tal-EIBURS u dwar il-programmi u l-mekkaniżmi l-oħrajn, jekk jogħġbok żur institute.eib.org/programmes/knowledge.