• Riżorsi addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-SMEs mingħand il-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni tal-UE f’koordinazzjoni mal-Gvern Malti
  • Il-fondi totali disponibbli għal intrapriżi żgħar u medji lokali jilħaq EUR 118-il miljun

Fid-dawl tal-effetti tal-pandemija tal-coronavirus fuq l-ekonomija Maltija, il-Grupp tal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment – BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment – FEI) iffirma ftehim mal-Gvern ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea biex iżid il-finanzjament disponibbli taħt l-inizjattiva għall-SMEs f’Malta. Il-ftehim ġie ffirmat illum mill-Kap Eżekuttiv tal-FEI Alain Godard, mid-Direttur tal-BEI Miguel Morgado, mill-Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi, Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u minn Paul Zahra, Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

L-Inizjattiva għall-SMEs tinvolvi l-użu kkombinat tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-programm Orizzont 2020 u l-fondi tal-Grupp tal-BEI.

S’issa, permezz tal-Inizjattiva għall-SMEs f’Malta, il-Bank of Valletta u l-BNF Bank ġew assenjati portafoll mira ta’ kważi EUR 90 miljun għal finanzjament ġdid għall-SMEs fil-forma ta’ self fil-pajjiż kollu. Minħabba l-adozzjoni b’suċċess ta’ dan il-ftehim inizjali u l-pandemija tal-coronavirus, l-awtoritajiet Maltin, il-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni Ewropea ddeċidew li jżidu riżorsi addizzjonali ma’ din l-inizjattiva. Dan se jiskatta €28 miljun addizzjonali ta’ finanzjament għall-SMEs b’termini vantaġġjużi, bħal rati tal-imgħax imnaqqsin u rekwiżiti kollaterali mtejba. Għaldaqstant il-portafoll mira żdied sa EUR 118-il miljun.

Malta kkontribwiet sa €29 miljun mill-envelopp iddedikat tagħha tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Id-€29 miljun se jkunu ingranati b’tislif kummerċjali permezz ta’ mekkaniżmu għall-qsim tar-riskju.

Fil-kumment tagħha waqt l-iffirmar, Elisa Ferreira, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali qalet: “Nilqa’ d-deċiżjoni ta’ Malta biex iżżid il-finanzjament disponibbli taħt il-programm tagħha tal-inizjattiva għall-SMEs bħala miżura tal-coronavirus biex tappoġġa l-Impriżi ta’ daqs Żgħir u Medju lokali. Din hija mossa intelliġenti li se tibbenefika direttament lin-negozji ta' daqs żgħir u medju u lill-intraprendituri Maltin sabiex jingħataw l-ispinta finanzjarja li jeħtieġu biex jegħlbu l-effetti sekondarji tat-tfaqqigħa tal-pandemija, sabiex l-ideat tagħhom jinqelbu fi proġetti konkreti jew jespandu lil hinn mis-swieq lokali tagħhom.

Meta kkummenta fuq iż-żieda tal-Inizjattiva għall-SMEs f’Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-FEI Alain Godard qal: “Ninsab kuntent bir-riżultati pożittivi ħafna tal-Inizjattiva għall-SMEs f’Malta għall-SMEs Maltin. Iż-żewġ banek lokali diġà mmaniġġjaw EUR 72 miljun ta’ finanzjament għall-SMEs biex jgħinu lil kumpaniji matul dawn l-aħħar 4 snin. Ninsab konvint li l-finanzjament addizzjonali se jkun strumentali biex jappoġġa aktar impjiegi u tkabbir u jtaffi l-effett tal-pandemija tal-COVID-19, permezz tal-kombinament tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 tal-UE u r-riżorsi tal-Grupp tal-BEI.”

Id-Direttur tal-Attivitajiet tal-BEI Miguel Morgado qal: “Il-Grupp tal-BEI huwa impenjat bis-sħiħ li jappoġġa ulterjorment it-tnedija gradwali tal-Inizjattiva għall-SMEs fil-kuntest tat-tfaqqigħa tal-COVID-19 u ninsabu kuntenti flimkien mal-awtoritajiet Maltin li qed inħabbru ż-żieda fir-riżorsi disponibbli taħt din l-iskema. Bl-iffirmar tal-lum, għandu jitqassam finanzjament addizzjonali fuq żmien fit-tul lil SMEs Maltin. Ninsabu fiduċjużi li dan il-ftehim se jagħti benefiċċji dejjiema lin-negozji Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Stefan Zrinzo Azzopardi qali li; “bl-allokazzjoni ta’ fondi addizzjonali għall-Istrument Finanzjarju tal-Inizjattiva għall-SMEs, aħna nisħqu fuq l-impenn tal-gvern li jappoġġa n-negozji tagħna. Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi attwali, il-Gvern Malti għamel sforz kbir biex jiżgura fluss kontinwu ta’ appoġġ għall-impriżi sabiex itaffi l-impatt tal-pandemija fuq l-SMEs Maltin. Dan se jservi bħala opportunità għan-negozji tagħna biex jinvestu u jikbru anke waqt dan iż-żmien, sabiex meta nibdew nirkupraw wara l-COVID-19, l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jkomplu minn fejn ħallew u jkunu aktar b'saħħithom.”