>@EIB
  • Is-sehem tal-finanzjament għall-klima jitla’ għal 31 % tat-total tal-BEI, li jenfasizza l-impenn tal-Bank biex ikollu rwol ewlieni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-ġlieda kontra t-tisħin globali.
  • Il-finanzjament mill-Grupp tal-BEI jiżdied bi 13 % għal aktar minn EUR 72 biljun.
  • L-ogħla numru ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament: 1 095, żieda ta’ 28 % mill-2018.
  • Il-finanzjament tal-BEI barra mill-UE jammonta għal total ta’ kważi EUR 70 biljun fuq 10 snin, li minnhom kważi EUR 22 biljun marru għall-Afrika.
  • Il-President tal-BEI Werner Hoyer: “Il-bank tal-UE huwa aktar rilevanti minn qatt qabel għall-azzjoni għall-klima u l-kompetittività tal-Ewropa.”

Konferenza Stampa Annwali 2020

F’sena mimlija sfidi, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qabeż il-miri tiegħu stess, fejn iffirma numru rekord ta’ 1 095 operazzjoni u żied il-volumi tal-finanzjament għal EUR 72.22 biljun. Dan minkejja l-inċertezza u d-dewmien marbuta mal-Brexit kif ukoll il-ħtieġa biex l-Istati Membri tal-UE li fadal jilħqu ftehim, fir-rebbiegħa li għaddiet, dwar is-sostituzzjoni tas-sehem tal-kapital tal-BEI tar-Renju Unit.

“Il-bank tal-UE kellu prestazzjoni tajba fis-swieq, li hija xhieda li hemm domanda qawwija għall-prodotti tiegħu. Rebaħ ukoll l-appoġġ mill-Istati Membri sabiex tiġi indirizzata u solvuta l-isfida tal-Brexit,” qal il-President tal-BEI Werner Hoyer fil-konferenza stampa annwali tal-Grupp tal-BEI fit-30 ta’ Jannar fi Brussell.

Il-finanzjament pprovdut mill-Grupp tal-BEI fl-2019 jappoġġja investiment totali ta’ madwar EUR 280 biljun fl-Ewropa u mad-dinja kollha, żieda ta’ EUR 50 biljun meta mqabbel mal-2018.

“Nistgħu nilħqu u naħdmu ma’ numru akbar ta’ proġetti aktar żgħar li jikkontribwixxu għall-prosperità fl-Ewropa u lil hinn minnha. Permezz ta’ dan l-approċċ aktar immirat, nistgħu nimmassimizzaw l-impatt tagħna f’termini tal-investiment totali appoġġjat. Dan huwa investiment aktar dirett, aktar intelliġenti,” qal Hoyer.

Intensifikazzjoni tal-azzjoni għall-klima

Sehem rekord ta’ 31 % mill-finanzjament tal-BEI mar għal proġetti ta’ azzjoni għall-klima, li bidlu s-swieq tal-enerġija fl-Ewropa, iżda li mmitigaw ukoll l-effetti tal-bidla fil-klima u għenu lil nies f’żoni affettwati b’mod qawwi biex jadattaw. Issa, hekk kif l-Ewropa tagħmel enfasi qawwija fuq l-azzjoni għall-klima, il-bank tal-UE ddeċieda li jsaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala l-bank għall-klima tal-Unjoni Ewropea. Qegħdin nintensifikaw l-azzjoni tagħna għall-klima. Il-bank tal-UE għandu parti integrali fil-Patt Ekoloġiku Ewropew imħabbar mill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen,” qal Hoyer.

Fl-2019, il-Grupp tal-BEI approva l-miri għall-klima l-aktar ambizzjużi ta’ kwalunkwe bank tal-iżvilupp multilaterali globalment. Il-BEI għandu l-mira li jiddedika 50 % tal-finanzjament tiegħu għall-azzjoni għall-klima u s-sostenibbiltà ambjentali mill-2025. Huwa mistenni li jirrilaxxa aktar minn triljun ewro f’finanzjament ekoloġiku sal-2030. U diġà se jallinja l-attivitajiet kollha tiegħu mal-Ftehim ta’ Pariġi sa tmiem din is-sena. Taħt il-politika l-ġdida tiegħu tat-tislif tal-enerġija, il-BEI ddeċieda li jtemm jikkunsidra proġetti ta’ karburanti fossili konvenzjonali mill-aħħar tal-2021. Qed jaħdem flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jsir realtà. “Se nagħtu attenzjoni partikolari lil dawk ir-reġjuni li s’issa kienu l-aktar dipendenti fuq il-karburanti fossili għall-impjiegi u l-attività ekonomika tagħhom. L-azzjoni għall-klima mhix se ddawwar l-attenzjoni lil hinn mill-missjoni ta’ koeżjoni ewlenija tagħna,” qal Hoyer. L-investimenti fil-koeżjoni ekonomika u soċjali ammontaw għal total ta’ 30 % tal-finanzjament tal-bank tal-UE fl-2019.

L-ebda kompromess bejn il-finanzjament tal-azzjoni għall-klima, il-koeżjoni u l-innovazzjoni

Il-Grupp tal-BEI jibqa’ ferm impenjat li jappoġġja l-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija globali. Fis-sena li għaddiet, EUR 25.5 biljun ingħataw lil kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju, li pprovdew appoġġ tant meħtieġ lil intraprendituri li jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija tal-UE u li ta’ spiss għadhom isibuha diffiċli biex jaċċessaw il-finanzjament. Il-bank tal-UE għamel disponibbli EUR 14.4 biljun għall-innovazzjoni, fejn jappoġġja teknoloġiji ġodda u jgħin biex jinbnew l-industriji tal-ġejjieni. EUR 15.7 miljun iffinanzjaw il-bini ta’ infrastruttura moderna biex ittejjeb il-ħajjiet tan-nies.

L-operazzjonijiet iffirmati s-sena li għaddiet waħedhom se jipprovdu l-provvista tal-enerġija lil 7.4 miljuni ta’ unitajiet domestiċi u ilma tax-xorb frisk għal 10 miljun unità domestika madwar id-dinja kollha. Dawn se jappoġġjaw 4.4 miljun impjieg f’intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u jtejbu s-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli għal 117-il miljun persuna u s-servizzi tas-saħħa għal 12-il miljun ċittadin.

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), il fond sussidjarju tal-BEI li jappoġġja kumpaniji b’teknoloġija għolja fil-fażi tal-bidu u negozji ta’ daqs żgħir u medju mal-Ewropa kollha, iffirma operazzjonijiet għal total rekord ta’ EUR 10.23 biljun fl-2019. Il-FEI huwa innovattiv bi strumenti u inizjattivi ġodda fil-qasam tal-impatt soċjali biex jidderieġi l-kapital privat lejn l-objettivi tal-politika pubblika. Nieda l-ewwel fond tal-kapital ta’ riskju tas-sostenibbiltà li qatt sar b’mekkaniżmi ta’ inċentivi marbuta mal-kisba ta’ għanijiet speċifiċi ta’ impatt ambjentali. Il-FEI, l-akbar fornitur ta’ kapital ta’ riskju fl-Ewropa, għandu CEO ġdid sa mill-bidu tal-2020: Alain Godard, l-eks Direttur Ġenerali tal-BEI għall-Ġestjoni tar-Riskju, issostitwixxa lil Pier Luigi Gilibert mill-1 ta’ Jannar.

L-FEIS joqrob lejn il-mira finali ta’ EUR 500 biljun

Il-Grupp tal-BEI għandu deċennji ta’ esperjenza biex jimmobilizza kapital privat sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politiki Ewropej. L-aħjar eżempju ta’ dan huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-fergħa finanzjarja tal-Pjan Juncker, immaniġġjat mill-BEI. Ibbażat fuq garanzija ta’ EUR 33.5 biljun – EUR 26 biljun mill-Baġit tal-UE u EUR 7.5 biljun mill-BEI – l-FEIS s’issa mexxa EUR 84.2 biljun f’1 269 operazzjoni. Bl-involviment tal-kapital privat, dan diġà mmobilizza EUR 458 biljun, jew 92 % tal-mira ssettjata għat-tmiem tal-2020, u ħoloq 1.1 miljun impjieg.

Is-suċċess tal-Pjan Juncker mhux biss kien ta’ ispirazzjoni għall-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf is-suċċessur tiegħu, InvestEU, li se jitnieda fl-2021. Dan ta bidu wkoll għall-mekkaniżmu li se jgħin biex jimmobilizza l-kapital privat għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. “L-FEIS huwa pjan ta’ azzjoni dwar kif tiġi indirizzata l-isfida ewlenija li jmiss, it-trasformazzjoni f’ekonomija li tiġġenera l-ġid mingħajr ma toħloq emissjonijiet ta’ CO2 addizzjonali. Nafu kif ngħaqqdu flimkien is-setturi privati u pubbliċi fi sħubija formidabbli li tirnexxi mal-Kummissjoni Ewropea,” qal Hoyer. “Il-Pjan Juncker wera li meta jitmexxew ir-riżorsi minn sussidji u għotjiet għal self u garanziji, dan jiżgura li flejjes pubbliċi skarsi jistgħu jiksbu riżultati ekonomiċi aktar sodi.”

It-titjib tal-ħajjiet u l-indirizzar tal-bidla fil-klima madwar id-dinja

Għal aktar minn 50 sena, il-Grupp tal-BEI għen lill-Unjoni Ewropea biex tikseb l-għanijiet tal-politiki tagħha barra mill-UE, billi investa sabiex b’mod tanġibbli jtejjeb il-ħajjiet tan-nies, isostni r-reżiljenza ekonomika u jadatta għat-tibdil fil-klima. Is-sena li għaddiet, il-Grupp ipprovda 12 % tal-finanzjament kollu – EUR 8.8 biljun – barra mill-UE għal firxa wiesgħa ta’ proġetti li għandhom fil-mira intraprendituri nisa, l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, u setturi oħrajn tal-ekonomija. 43 mill-pajjiżi fejn il-BEI għandu operazzjonijiet attivi huma ddefiniti bħala stati fraġli, dawk li l-aktar jeħtieġu l-investiment.

Matul l-aħħar 10 snin, il-finanzjament tal-BEI barra mill-UE laħaq total ta’ EUR 69.6 biljun, li minnhom EUR 21.8 biljun marru għall-Afrika.

Il-BEI jattira flus minn investituri sostenibbli madwar id-dinja

Il-Grupp tal-BEI jiffinanzja l-attivitajiet tiegħu fuq is-suq kapitali globali u jibbenefika minn klassifikazzjoni “AAA”. Fis-sena li għaddiet, issellef EUR 50.3 biljun mingħand investituri internazzjonali. Ikompli jistabbilixxi standards, speċjalment fis-segmenti tas-suq għal bonds ekoloġiċi u ta’ sostenibbiltà. Il-bank tal-UE ħareġ l-ewwel bond ekoloġiku tiegħu fl-2007 u llum għadu l-mexxej fis-suq f’dan is-segment b’volum ta’ EUR 26.7 biljuni maħruġa. Fl-2018, il-BEI ħareġ l-ewwel Bond għal Kuxjenza dwar is-Sostenibbiltà biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Ir-rendiment tal-ewwel bond kien investit primarjament fi proġetti tal-ilma, filwaqt li t-tieni bond li tnieda s-sena li għaddiet huwa mmirat għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.