>@Isopix/To be defined
©Isopix/ To be defined

Bħala parti integrali mir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi, il-Grupp tal-BEI fl-2013 żied b’mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju tiegħu biex jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Il-Grupp, li jikkonsisti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment, jipprovdi appoġġ kontroċikliku qawwi għall-ekonomija, b’finanzjament li jammonta għal EUR 75.1 biljun, żieda ta’ 37 fil-mija meta mqabbel mal-2012. Fl-UE, l-ammont laħaq EUR 67.1 biljun (żieda ta’ 42 fil-mija). B’mod partikolari l-Grupp tal-BEI żgura li jittejjeb b’mod sinifikanti l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs). L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Il-President tal-Grupp tal-BEI Werner Hoyer ikkumenta: “L-appoġġ tagħna tal-SMEs sar l-akbar kontribut tal-politiki tagħna, li ammonta għal EUR 21.9 biljun. Dan qatt ma kien daqshekk għoli!”

Il-Bank Ewropew tal-Investiment iffirma self li jiswa EUR 18.5 biljun għal SMEs u mid-caps, waqt li fl-istess ħin il-Fond Ewropew tal-Investiment impenja EUR 3.4 biljun. Permezz ta’ dan, il-Grupp, flimkien ma’ msieħba privati tal-investiment, seta’ jimmobilizza aktar minn EUR 50 biljun biex jappoġġja l-SMEs. B’kollox, total ta’ 230000 kumpanija rċevew appoġġ dirett jew indirett permezz ta’ attività tal-Grupp tal-BEI. Dawn in-negozji jimpjegaw 2.8 miljun persuna madwar l-Ewropa kollha.

Barra dan, il-Grupp tal-BEI ffoka b’mod ċar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, fejn ipprovda EUR 17.2 biljun ta’ appoġġ finanzjarju biex iżid il-kompetittività tal-ekonomija tal-Ewropa. Il-Bank huwa l-azzjonist ewlieni tal-FEI u, sabiex jespandi l-irwol tal-Fond, f’Diċembru 2013 il-Bord tal-BEI ddeċieda li jsaħħaħ il-Fond permezz ta’ żieda fil-kapital u mandat usa’. Il-President Hoyer qal: “Il-FEI huwa strument potenti ħafna biex jindirizza distakki tas-suq billi juża ekwità, garanziji u prodotti tat-tislif biex jegħleb ristrezzjonijiet finanzjarji eżistenti għan-negozji”.

Bħala l-bank tal-UE, il-BEI kompla jagħmel enfasi qawwija fuq prijoritajiet ewlenin oħra tal-UE bl-iffirmar ta’ self li jiswa EUR 19-il biljun globalment għall-azzjoni għal klima u EUR 15.9 biljun għall-infrastruttura strateġika. Il-Bank nieda wkoll strumenti ġodda magħmula apposta bħall-Faċilità għall-Finanzjament tal-Kummerċ, il-fond ta’ garanzija tal-SMEs u l-bonds tal-proġetti.

F’Lulju 2013, il-BEI nieda programm tal-impjiegi apposta għaż-żgħażagħ “Ħiliet u Impjiegi – Investiment fiż-Żgħażagħ” biex jiikkomplementa l-ġlieda tal-Ewropa kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-programm kellu volum inizjali ta’ tislif ta’ EUR 6 biljun. Il-President Hoyer ikkummenta: “Ninsab kburi ħafna li l-impenn inizjali tal-programm inqabeż b’mod sinifikanti. F’sitt xhur biss il-BEI pprovda self li jammonta għal EUR 9.1 biljun fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Dan huwa suċċess kbir!”

Il-BEI kompla wkoll bl-irwol internazzjonali tiegħu minkejja l-kriżi fl-Ewropa. Fl-2013, il-Bank ipprovda EUR 7.7 biljun għal proġetti barra mill-Unjoni Ewropea. Permezz tal-attivitajiet ta’ finanzjament tiegħu l-Bank kompla jżid il-valur bħala mezz importanti biex investiment internazzjonali jiġi dirett lejn l-UE, fejn kważi nofs il-bonds tiegħu tqiegħdu ma’ investituri barra mill-Unjoni. Fl-2013 il-Bank kiseb wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament tiegħu - EUR 72 biljun - u għaldaqstant baqa’ l-akbar programm ta’ kwalunkwe istituzzjoni sovranazzjonali ta’ finanzjament.

Is-saħħa finanzjarja tal-Bank hija riflessa fl-adegwatezza kapitali tiegħu li ttejbet minn 23.1 fil-milja għal 28.7 fil-mija fl-2013, wara żieda fil-kapital deċiża mill-azzjonisti tal-Bank, it-28 Stat Membru tal-UE, fl-2012. Il-kwalità tal-assi tal-Bank baqgħet qawwija, b’selfiet imħassrin ta’ madwar 0.2% biss tal-portafoll tiegħu, filwaqt li l-likwidità li tammonta għal EUR 66 biljun inżammet f’livelli prudenti. L-assi totali fi tmiem is-sena 2013 kienu ta’ EUR 512 biljun, filwaqt li l-fondi tiegħu stess żdiedu għal kważi EUR 58 biljun.

Għall-ġejjieni, il-Grupp tal-BEI se jkompli l-appoġġ kontroċikliku tiegħu għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Din il-ħidma hija prijorità, meta jitqies it-tul ta’ żmien u l-profondità tal-kriżi, li qed ikollha effetti negattivi fuq it-tkabbir fit-tul tal-Ewropa. Il-President Hoyer qal: “L-investiment jibqa’ taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi kważi kullimkien fl-Ewropa u qed ixekkel il-potenzjal tat-tkabbir tal-Istati Membri. Barra dan qed naqgħu lura f’termini tal-kompetittività globali minħabba li pajjiżi barra qed jinvestu fit-teknoloġija u l-innovazzjoni f’livell ogħla mill-UE u l-maġġoranza tal-Istati Membri tagħha.”

Għaldaqstant l-Ewropa trid tieħu aktar azzjoni. “Irridu ninvestu aktar. B’mod partikolari, irridu ninvestu b’mod aktar sinifikanti fir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-infrastruttura bbażata fis-seklu 21 sabiex inżidu l-kompetittività tagħna. Illum, xorta nistgħu nagħmlu dan minn pożizzjoni ta’ saħħa. Iżda jekk ma naffrontawx l-isfidi, se jkollna żmien diffiċli ħafna, minħabba l-kompetizzjoni globali”, ikkummenta l-President. Huwa afferma li l-Grupp tal-BEI se jkompli jagħti kontribut sostanzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali fl-Ewropa.

Nota lill-editur:

Iċ-ċifri finanzjarji mhumiex verifikati u huma proviżorji.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ self fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jara li l-finanzjament fit-tul ikun disponibbli għal investiment fis-sod sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE.


  • Slajd tal-preżentazzjoni [EN]
  • Lista ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament fl-2013 [EN]
  • Vidjo tal-Konferenza Stampa [EN]