Recherche FR menu Portail client du Groupe BEI
Recherche
Résultats
5 premiers résultats de la recherche Voir tous les résultats Recherche avancée
Recherches les plus fréquentes
Pages les plus visitées
    EIB
    • L-Istati Membri japprovaw l-istrateġija tal-Grupp tal-BEI biex jużaw il-potenzjal sħiħ tiegħu u jespandu l-investiment u t-teħid ta’ riskju, b’fokus speċjali fuq awtonomija fl-enerġija, tmexxija teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, infrastruttura reżiljenti u sħubijiet globali sodi.
    • Il-Grupp tal-BEI jinsab f'pożizzjoni tajba biex jilħaq il-mira tal-2026 ta’ 5% tal-finanzjament totali fl-UE għas-sigurtà u d-difiża.
    • Il-Grupp tal-BEI qed iwettaq il-pjan direzzjonali strateġiku tiegħu, inkluż investiment rekord fl-enerġija.

    Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jinkludi l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, approva l-istrateġija tal-Bank biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-politika kondiviżi, b’żieda fil-finanzjament u aptit għar-riskju, fejn juża l-potenzjal sħiħ tiegħu biex jimmobilizza l-investimenti għal awtonomija fl-enerġija, tmexxija teknoloġika, u s-sigurtà u d-difiża.

    Il-Grupp tal-BEI miexi sew biex iżomm il-finanzjament rekord ġenerali ta’ €100 biljun din is-sena u jilħaq il-mira ta’ 5% fis-sigurtà u d-difiża.

    L-appoġġ sod mill-Gvernaturi jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Grupp tal-BEI biex jitniedu gradwalment strumenti pan-Ewropej għall-avvanz tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investiment, jiżdied l-investiment biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Ewropa fis-sigurtà u d-difiża, l-innovazzjoni teknoloġika, titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija u jingħata appoġġ bla heda lill-Ukrajna.

    Hekk kif l-UE tħejji Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid għall-perjodu 2028-2034, il-Bord tal-Gvernaturi enfasizza r-rekord b'saħħtu tal-Grupp tal-BEI fl-appoġġ għall-prijoritajiet tal-politika Ewropej u biex jimmassimizza l-impatt tal-investiment filwaqt li jnaqqas il-burokrazija u  jaħdem b’mod aktar mgħaġġel u effiċjenti.

    Fil-laqgħa annwali tagħhom, il-ministri ġew ippreżentati b’Rapport ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-Grupp tal-BEI, li jispjega fid-dettall l-avvanzi sostanzjali matul dawn l-aħħar sentejn biex jiġu mmobilizzati investimenti pubbliċi u privati kruċjali għat-tmien oqsma ta’ prijorità.

    “Il-Finanzjament tal-Grupp tal-BEI qed jipprovdi s-sigurtà ekonomika għall-Ewropa,” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño. Dan ifisser awtonomija fl-enerġija, tmexxija teknoloġika, infrastruttura reżiljenti u sħubijiet affidabbli. L-approvazzjoni tal-istrateġija tagħna mill-Istati Membri tibgħat sinjal qawwi ta’ għaqda u determinazzjoni biex isir użu sħiħ tal-qawwa tal-BEI bħala l-magna tal-investiment tal-Ewropa.”

    Fl-2025, il-Grupp tal-BEI, li jinkludi l-Bank u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), ipprovda €100 biljun f’finanzjament u mmobilizza investimenti rekord fil-grilji tal-enerġija, fl-ilma, fit-trasport u fl-akkomodazzjoni kif ukoll il-finanzjament għall-Ukrajna, b’aktar teħid ta’ riskju permezz tal-inizjattiva TechEU. Il-fokus strateġiku tal-Grupp lil hinn mill-UE jappoġġa lill-Ukrajna, it-tkabbir u l-aġenda tal-Global Gateway filwaqt li jinseġ sħubijiet strateġiċi mad-dinja kollha.

    Awtonomija fl-enerġija

    Il-grupp tal-BEI kkonsolida r-rwol tiegħu bħala l-Bank Klimatiku. Bħala l-finanzjatur ewlieni tat-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Ewropa, il-Grupp jiffinanzja madwar nofs l-investiment fil-grilji tal-enerġija tal-Ewropa, jappoġġa wieħed minn kull ħames impjanti solari, wieħed minn kull tliet proġetti ta’ enerġija mir-riħ fuq l-art, u l-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ enerġija mir-riħ offshore.

    Programmi emblematiċi, inkluża l-Inizjattiva ta’ Effiċjenza fl-Enerġija għal Impriżi ta’ Daqs Żgħir u Medju (SMEs), mexjin sew biex jaqbżu l-miri, billi jappoġġaw 350,000 negozju biex jiddekarbonizzaw, inaqqsu l-ispejjeż u jsaħħu r-reżiljenza.

    Tingħata spinta lill-innovazzjoni teknoloġika

    Barra dan, il-Grupp tal-BEI qed jaċċellera t-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa permezz ta’ TechEU, l-akbar programm ta’ finanzjament li qatt sar b’appoġġ investimenti b’impatt għoli fl-oqsma tat-teknoloġija profonda, it-teknoloġija nadifa, l-IA u l-infrastruttura diġitali.

    Fl-2025, il-Grupp impenja aktar minn €22 biljun għal proġetti ta’ TechEU. Dawn l-investimenti jgħinu biex tinbena u tinżamm il-kapaċità tal-manifattura kritika fl-Ewropa, jiġi ddiversifikat it-tiftix ta’ sorsi, jitkabbru s-swieq u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala post attraenti għal proġetti innovattivi, filwaqt li jattiraw it-talent u l-investiment.

    Sa mit-tnedija tagħha fl-2023, l-Inizjattiva taċ-Champions Ewropej tat-Teknoloġija (ETCI) immexxija mill-FEI saret katalista ewlenija fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-finanzjament tal-espansjoni tal-Ewropa, li tappoġġja 15-il megafond ġdid tal-UE (b'daqs fil-mira ta’ mill-inqas €1 biljun) u 12-il unicorn Ewropew s’issa. Għaldaqstant, l-ETCI qed tagħmel kontribut sinifikanti fl-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investiment tal-Ewropa.

    Il-Grupp tal-BEI għandu l-għan li jespandi l-ETCI, bil-mira li jimmobilizza €15-il biljun billi jattira kontribuzzjonijiet minn aktar Stati Membri u jiftaħha għall-investituri privati. B’mod parallel, il-Grupp tal-BEI) se jżid il-finanzjament għal kumpaniji scale-up billi jniedi gradwalment miżuri li jinkludu strumenti konvertibbli, finanzjament tal-akkwist, u appoġġ għal kumpaniji kkwotati fis-swieq Ewropej.

    Sigurtà u difiża

    Il-bidla fil-politika fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża kienet bidla fl-istrateġija. Il-Grupp tal-BEI għamel progress straordinarju fejn żied ir-rwol tiegħu billi espanda l-eliġibbiltà għall-finanzjament tiegħu għal proġetti militari proprji, u kumpaniji u fondi tal-investiment b’attivitajiet fl-oqsma kollha tas-sigurtà u d-difiża.

    Il-Grupp ikkwadruplika l-finanzjament fl-2025 għal aktar minn €4 biljun u qed jaħdem biex jilħaq il-mira tal-2026 ta’ 5% tan-negozju annwali tiegħu fl-UE. Emm sensiela robusta ta’ madwar 25 proġett emblematiku f’20 Stat Membru f’ħames oqsma: infrastruttura kritika u faċilitajiet militari, kapaċitajiet industrijali, riċerka u żvilupp, kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju fil-katina tal-provvista ta’ kuntratturi kbar tal-Ewropa u fondi ta’ investiment privat iddedikati f’dan il-qasam.

    Flimkien mal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp tal-BEI qed jespandi l-Faċilità ta’ Ekwità għad-Difiża tiegħu, fond pijunier ta’ fondi li jrawmu l-iżvilupp ta’ sistema ta’ kapital ta’ riskju li tinvesti f’ditti pijunieri fil-katina tal-provvista tas-sigurtà u d-difiża.

    Sħubijiet Globali

    Barra mill-UE, il-Grupp tal-BEI ikompli jikkonsolida r-rwol tiegħu bħala sieħeb ta’ implimentazzjoni ewlieni għall-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE.

    L-Ukrajna tibqa’ l-prijorità ewlenija. Fl-2025, il-BEI impenja ammont rekord għall-Ukrajna għal proġetti u inizjattivi li jsaħħu r-reżiljenza tal-pajjiż, li jappoġġaw servizzi essenzjali u l-funzjonament tal-ekonomija. Dan jippożizzjona l-BEI bħala l-istituzzjoni finanzjarja Ewropea ewlenija f’termini ta’ self żborżat għal proġetti ta’ investimenti fl-Ukrajna.

    Dan huwa kkomplimentat b’appoġġ sod għall-progress tal-pajjiżi kandidati fil-perkors tagħhom lejn l-adeżjoni mal-UE kif ukoll involviment kontinwu fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u l-pajjiżi sħab prijoritarji fl-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew u l-Asja taħt l-oqfsa tal-Global Gateway u tat-Tim Ewropa.

    Fl-2027, il-Grupp tal-BEI se jippresiedi l-kapijiet tal-banek ta’ żvilupp multilaterali, b’appoġġ għal ordni bbażata fuq ir-regoli u l-stabbiltà finanzjarja globali.

    Ħatriet għall-Bord tal-Gvernaturi u l-Kumitat tal-Verifika

    Il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI laqa’ wkoll Presidenti ġodda ta’ żewġ korpi statutorji.

    Il-Ministru Daniż għat-Tassazzjoni u t-Tkabbir Ekonomiku Jakob Engel-Schmidt se jassumi l-Presidenza tal-Bord tal-Gvernaturi għal terminu ta’ sena u qal: Il-Grupp tal-BEI għandu rwol ċentrali fil-finanzjament ta’ Ewropa kompetittiva u reżiljenti. Bħala President, se nappoġġa l-isforzi tiegħu biex jespandi l-investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija, fis-sigurtà, biex b'hekk jikseb riżultati għaċ-ċittadini u n-negozji mal-Ewropa kollha.”

    Huwa jilħaq minflok il-Ministru tal-Finanzi Ċek Alena Schillerová, li qalet: “Matul is-sena li għaddiet, il-Grupp tal-BEI wera l-kapaċità tiegħu li jikseb riżultati f’ambjent ekonomiku u tas-sigurtà globali diffiċli. Jien fiduċjuża li se jkompli jibni fuq dan il-momentum b'saħħtu.”

    Fil-Kumitat tal-Verifika tal-BEI, Tereza Rogić Lugarić se tilħaq minflok Katja Pluto bħala l-President il-ġdid. Barra dan, il-Kumitat ippreżenta r-rapport annwali tiegħu.

    Dikjarazzjonijiet dwar il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI se jkunu disponibbli fuq EBS.

    Aqra d-diskors tal-President Calviño hawnhekk.

    Informazzjoni ġenerali

    Il-Grupp tal-BEI

    Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa d-drigħ ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea, bis-sjieda tas-27 Stat Membru, u huwa wieħed mill-akbar banek multilaterali tal-iżvilupp fid-dinja. Fl-2025, il-Grupp tal-BEI ffirma €100 biljun f’finanzjament ġdid u servizzi ta’ konsulenza għal aktar minn 870 proġett ta’ impatt għoli fi tmien prijoritajiet ewlenin li jappoġġaw l-objettivi ta’ politika tal-UE: l-azzjoni klimatika u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni territorjali, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, is-sħubijiet globali b’saħħithom u l-unjoni tat-tfaddil u tal-investiment. Lil hinn mis-self fit-tul għal infrastrutturi kbar, il-Grupp tal-BEI jattira l-investiment privat għal proġetti u negozji innovattivi ta’ riskju għoli, bi rwol li qed jikber fis-swieq tal-Ewropa għad-dejn ta’ riskju, il-kapital ta’ riskju, garanziji u titolizzazzjonijiet.

    Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) huwa s-sussidjarju tal-Grupp tal-BEI li huwa speċjalizzat fil-forniment ta’ garanziji, titolizzazzjoni u ekwità biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju u kumpaniji start-up madwar l-Ewropa. Il-FEI, li jaġixxi bħala investitur ankra, permezz tan-network estensiv tiegħu ta’ banek u fondi ta’ investiment li huwa msieħeb magħhom, jimmobilizza l-investiment privat u jrawwem l-ekosistema ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju biex jappoġġa lil intraprendituri Ewropej innovattivi.

    Fl-2023, il-FEI flimkien ma’ sitt stati membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Belġju u n-Netherlands) nieda l-Inizjattiva taċ-Champions Ewropej tat-Teknoloġija, fond ta’ fondi għall-iskalar ta’ kumpaniji startup innovattvi. S’issa, din l-inizjattiva diġà ppermettiet il-ħolqien ta’ 15-il megafond ta’ kapital ta’ riskju Ewropej u skalat sa 45 kumpanija, inklużi 12-il unicorn (b’aktar minn €1 biljun f’kapital).

    Ritratti tar-rappreżentanti u tal-kwartieri ġenerali tal-Grupp tal-BEI, il-files tal-logos u B-roll tal-vidjow għall-użu mill-media jinsabu hawnhekk.

    Contact

    Référence

    2026-204-MT

    Partager