Search En menu en ClientConnect
Search
Results
Top 5 search results See all results Advanced search
Top searches
Most visited pages
EIB
  • Il-ftehim jappoġġa wkoll proġetti urġenti ta’ rkupru u rikostruzzjoni fl-Ukrajna.
  • Il-finanzjament se jsostni s-servizzi essenzjali u l-istabbiltà ekonomika billi għandu fil-mira l-infrastruttura kritika, inklużi l-enerġija, it-trasport, l-akkomodazzjoni, l-ilma, u t-tisħin.
  • Bħala parti mill-Faċilità tal-UE għall-Ukrajna ta’ €50 biljun, dan l-investiment jappoġġa l-prijoritajiet tal-Ukrajna biex terġa’ tinbena aħjar u tavvanza l-integrazzjoni tagħha mal-UE.
  • Barra dan, ftehim iffirmat bejn il-BEI u l-Gvern tal-Ukrajna se jibgħat esperti taħt il-programm ta’ konsulenza JASPERS tal-BEI biex jgħinu fl-aċċelerazzjoni tal-proġetti fuq il-post.

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw ftehim ta’ garanzija fil-Forum tal-Grupp tal-BEI, li permezz tiegħu l-BEI jkun jista’ jinvesti tal-inqas €2 biljun fi sforzi urġenti ta’ rkupru u rikostruzzjoni fl-Ukrajna. Dan il-finanzjament, li huwa allinjat mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-gvern Ukren, huwa parti mill-Faċilità tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna ta’ €50 biljun għall-perjodu 2024-2027. 

Il-fondi se jappoġġaw operazzjonijiet tas-settur pubbliku f’setturi ewlenin. L-investimenti se jiffokaw fuq it-tisħiħ tan-networks tal-enerġija tal-Ukrajna, inklużi l-grilji tal-enerġija, l-espansjoni tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija. L-appoġġ huwa maħsub ukoll għall-modernizzazzjoni tal-linji tal-ferroviji, it-titjib tat-trasport pubbliku urban, u l-aġġornar tal-konnettività tat-trasport, inklużi Korsiji ta’ Solidarjetà u punti ta’ qsim tal-fruntiera biex jiffaċilitaw rotot ewlenin tal-esportazzjoni. Barra dan, il-finanzjament se jgħin jirrestawra l-infrastruttura muniċipali, bħas-sistemi tal-ilma u tat-tisħin, it-tidwil pubbliku, kif ukoll l-iskejjel, l-isptarijiet, u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla. L-ewwel proġetti taħt din il-garanzija tal-Faċilità għall-Ukrajna tħabbru waqt iż-żjara riċenti fi Kyiv tal-President tal-BEI Nadia Calviño.

Sabiex tiġi appoġġata aktar l-implimentazzjoni tal-investimenti tal-BEI taħt il-Faċilità għall-Ukrajna, il-BEI u l-Gvern tal-Ukrajna ffirmaw ukoll ftehim biex jintbagħat tim ta’ esperti ta’ konsulenza fuq il-post fi Kyiv. Dan it-tim se jipprovdi kompetenza esperta prattika biex jaċċellera l-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ proġetti kritiċi u dokumenti strateġiċi, fejn jibda bl-enerġija, it-trasport, l-akkomodazzjoni u jespandi għal setturi oħrajn, inkluż il-kontribut għar-riforma tal-Ġestjoni tal-Investiment Pubbliku (PIM). L-inizjattiva hija mwassla mis-servizz ta’ konsulenza tal-BEI permezz ta’ pakkett ta’ servizz ta’ konsulenza JASPERS ta’ €20 miljun għall-Ukrajna, iffinanzjat b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-“programm ta’ konsulenza tal-UE għall-Ukrajna” tal-BEI fl-2024, li tiżgura appoġġ immirat u effettiv għall-irkupru tal-pajjiż.

Il-President tal-BEI Nadia Calviño qalet: “Is-sigurtà tal-Ukrajna hija s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Aħna spalla ma’ spalla mal-pajjiż. Illum, nesprimu dak l-impenn għal darb’oħra bl-iffirmar tal-ftehimiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ukren biex inżidu l-appoġġ tagħna. B’dan inkunu nistgħu nagħmlu investimenti kruċjali fl-irkupru tal-infrastruttura kritika u s-servizzi pubbliċi ewlenin tal-Ukrajna, li jsaħħu r-reżiljenza tal-pajjiż u l-perkors tiegħu lejn l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea.”

“L-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna huma fil-qalba tal-isforzi ta’ Tim Ewropa, u qed naħdmu flimkien biex niżguraw li l-investimenti vitali jilħqu ż-żoni fejn huma meħtieġa l-aktar fl-Ukrajna. Dan mhuwiex biss għal-lum - qed ngħinu lill-Ukrajna terġa’ tinbena b’mod aħjar u twitti l-pedamenti għal futur aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli fi ħdan l-UE,” żiedet tgħid il-Viċi President tal-BEI Teresa Czerwińska, li tissorvelja l-attivitajiet tal-Bank fl-Ukrajna.

Il-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir Marta Kos qalet: "Dan il-ftehim ta' garanzija mal-BEI jenfasizza r-rwol importanti tal-Unjoni Ewropea fl-appoġġ għall-Ukrajna hekk kif taffaċċja r-raba' sena tal-gwerra brutali tal-aggressjoni tar-Russja. Se nimxu spalla ma' spalla mal-Ukrajna għal kemm ikun neċessarju u bl-intensità meħtieġa. Din il-garanzija ġdida se tgħin lill-Ukreni jerġgħu jibnu l-pajjiżhom. Din se tirrestawra s-sistemi tal-ilma u t-tisħin, l-iskejjel u l-isptarijiet.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija u l-Produttività, l-Implimentazzjoni u s-Simplifikazzjoni Valdis Dombrovskis qal: "Il-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp tal-BEI ilhom jaħdmu id f'id biex jipprovdu appoġġ kruċjali lill-Ukrajna minn meta r-Russja bdiet l-invażjoni brutali tagħha fuq skala sħiħa. Illum, l-impenn tagħna għall-Ukrajna qatt ma kien daqshekk sod. B'dan il-ftehim ta' €2 biljun, qed nipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħtiġijiet urġenti tal-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li jinkludu t-tiswija ta' infrastruttura kritika u l-iżgurar li jinżammu s-servizzi pubbliċi. L-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna huwa sod, u se jibqa' sod.

L-Ewwel Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ekonomija tal-Ukrajna, Yuliia Svyrydenko, qalet: “L-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-BEI, jibqgħu msieħba sodi fl-irkupru tal-Ukrajna. Qed naċċelleraw il-proġetti ta’ investiment li jindirizzaw il-ħtiġijiet strateġiċi l-aktar urġenti tagħna, biex niżguraw ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni rapidi. Kull proġett iqarreb lill-Ukrajna lejn l-UE, isaħħaħ ir-reżiljenza tagħna u l-integrazzjoni fil-familja Ewropea. Nilqgħu wkoll l-implimentazzjoni tal-appoġġ ta’ konsulenza ta' JASPERS fuq il-post, li se jgħin jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ dawn l-investimenti kritiċi.”

Informazzjoni ta’ sfond  

Il-Faċilità għall-Ukrajna hija l-programm tal-Unjoni Ewropea ta’ assistenza finanzjarja għall-Ukrajna. Matul il-perjodu 2024-2027, €50 biljun se jiġu allokati mill-Unjoni Ewropea biex jiffinanzjaw il-baġit tal-istat, iqanqlu l-investiment u jipprovdu appoġġ tekniku fl-implimentazzjoni tal-programm.

Il-Ftehim ta' Garanzija ffirmat illum huwa kopert mill-Qafas ta' Investiment għall-Ukrajna (UIF), bħala parti mill-Faċilità għall-Ukrajna. Il-UIF huwa mfassal biex jattira investimenti pubbliċi u privati għall-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Huwa mogħni bi strumenti finanzjarji li jammontaw għal €9.3 biljun, b'€7.8 biljun f'garanziji ta' self u €1.5 biljun f'finanzjament imħallat.

Il-mira tal-UIF hija li jimmobilizza €40 biljun ta' investimenti għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni, u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna.

Il-BEI fl-Ukrajna 

Il-Grupp tal-BEI ilu jappoġġa r-reżiljenza, l-ekonomija u l-isforzi tal-Ukrajna biex terġa' tinbena sa mill-ewwel jum tal-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja, b’€2.2 biljun żborżati sa mill-bidu tal-gwerra. Fl-2024, il-Bank appoġġa proġetti mmirati biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Ukrajna, it-tiswija ta’ infrastruttura kritika li ġarrbet ħsarat, u li jiżguraw li s-servizzi essenzjali jkomplu jitwasslu fil-pajjiż kollu.

Contact

Reference

2025-124-MT