>@stockpexel/Shutterstock
©stockpexel/ Shutterstock
  • L-għoli tal-ħajja li dejjem qed jogħla flimkien ma’ tħassib dwar il-klima u l-ambjent huma fuq ta’ quddiem fl-isfidi li l-Maltin li wieġbu għall-istħarriġ jaraw għal pajjiżhom.
  • Żewġ terzi tar-rispondenti jemmnu li l-qlib għal ekonomija newtrali għall-klima jista’ jseħħ biss jekk fl-istess ħin jiġu indirizzati l-inugwaljanzi.
  • Tliet kwarti tar-rispondenti jemmnu li l-gvern għandu jipprovdi kumpens finanzjarju lill-pajjiżi affettwati għal tibdil fil-klima li huma ma kkontribwew għalih bl-ebda mod.
  • 90% tar-rispondenti huma favur li jiġu eliminati s-sussidji u l-eżenzjonijiet mit-taxxa għas-settur tal-avjazzjoni u għall-kumpaniji kollha li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili.
  • Kważi tliet kwarti qalu li jaċċettaw żieda fit-taxxa fuq id-dħul sabiex jiġu megħjuna n-nies bid-dħul l-aktar baxx biex jadattaw għall-politiki relatati mal-klima.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) illum nieda s-sitt edizzjoni tal-Istħarriġ tiegħu dwar il-Klima. Dawn huma xi wħud mir-riżultati l-aktar interessanti minn dan l-istħarriġ annwali li sar bejn Awwissu u Settembru tal-2023. L-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima, li ilu għaddej mill-2018, joffri għarfien dwar opinjonijiet marbuta mat-tibdil fil-klima ta’ nies li jgħixu fl-ekonomiji maġġuri madwar id-dinja, b’aktar minn 30 000 rispondent fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Kanada, u l-Korea t’Isfel. Il-BEI huwa l-fergħa tas-self tal-Unjoni Ewropea u l-akbar sellief multilaterali tad-dinja għal proġetti marbuta mal-azzjoni klimatika.

Wara sena oħra ta’ sfida kkaratterizzata mhux biss mill-inflazzjoni iżda wkoll minn mewġ ta’ sħana u nixfiet li kisru r-rekord, ir-rispondenti Maltin saru ħafna aktar konxji dwar l-impatt profond tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa għal azzjoni immedjata f’Malta u madwar id-dinja, skont ir-riżultati tal-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima. Filwaqt li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja hija kkunsidrata bħala l-akbar sfida[1] għar-rispondenti Maltin (78% jqisuha bħala fost l-ewwel tliet kwistjonijiet ta’ tħassib għal pajjiżhom, b’10 punti aktar mill-medja tal-UE), din hija segwita mill-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, b’67% iqisuhom bħala kwistjoni ta’ tħassib maġġuri (bi 17-il punt aktar mill-medja tal-UE).

Talba għal tranżizzjoni ġusta f’pajjiżhom u f’pajjiżi affettwati

Meta affaċċjati b’għoli tal-ħajja għoli, il-maġġoranza tar-rispondenti Maltin qed jappellaw għal politiki ġusti biex tiġi indirizzata l-emerġenza tal-klima. 65% (qrib il-medja tal-UE) jgħidu li t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju tista’ sseħħ biss jekk fl-istess ħin jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi.

Madankollu, ir-rispondenti huma aktar maqsuma fir-rigward tal-abbiltà tal-gvern li jwettaq tali tranżizzjoni klimatika ġusta — 52% huma kunfidenti li l-gvern kapaċi jagħmel dan (xorta 14-il punt ogħla mill-medja tal-UE ta’ 38%).

Dwar il-kwistjoni ta’ kumpens lil pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn jiġu megħjuna jindirizzaw l-impatti tat-tibdil fil-klima — li hija mistennija li tkun kwistjoni ċentrali fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2023 f’Dubai (COP28) — il-maġġoranza tar-rispondenti Maltin huma favur li tiġi estiża l-għajnuna lil hinn mill-fruntieri tagħhom sabiex jiġu appoġġjati l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u tiġi żgurata tranżizzjoni globalment ġusta għal futur newtrali għall-klima u reżiljenti.

76% tar-rispondenti (16-il punt aktar mill-medja tal-UE) jaqblu li l-pajjiż għandu jagħti kumpens finanzjarju lin-nazzjonijiet affettwati sabiex jiġu megħjuna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.


[1] Ir-rispondenti kellhom jagħżlu tliet sfidi li jqisu li huma l-akbar sfidi għal pajjiżhom minn lista mħallta ta’ għaxar sfidi: Żieda fl-għoli tal-ħajja, qgħad, tibdil fil-klima, degradazzjoni ambjentali, instabbiltà politika, inugwaljanza fl-introjtu, aċċess għall-kura tas-saħħa, migrazzjonijiet fuq skala kbira, attakki ċibernetiċi, u terroriżmu.

>@Graphic workshop/EIB

Taxxi biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ġusta

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li l-maġġoranza vasta tar-rispondenti Maltin (73%, 14-il punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 59%) huma lesti li jħallsu aktar taxxa fuq id-dħul biex jgħinu djar bi dħul baxx ilaħħqu mal-ispejjez li ġġib magħha tranżizzjoni ekoloġika. 44% jaqblu li jħallsu 1-2% aktar fuq id-dħul tagħhom u 29% jaqblu li jħallsu 5-10% aktar.

Hemm ukoll kunsens aktar b’saħħtu favur tipi oħra ta’ politiki marbuta mal-klima. Pereżempju, 93% qalu li huma jkunu favur riforma tat-taxxa fuq il-fjuwils fossili biex jiġu eliminati s-sussidji u l-eżenzjonijiet tat-taxxa għas-settur tal-avjazzjoni u industriji oħra li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili.

Kummenti mill-Viċi President tal-BEI Gelsomina Vigliotti:

“Il-gżejjer żgħar huma fost l-aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Dan huwa muri mill-aħħar Stħarriġ tal-BEI dwar il-Klima, li jenfasizza kemm in-nies f’Malta huma aktar imħassba minn dawk f’pajjiżi oħra dwar l-emerġenza tal-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Il-BEI ħa ħsieb b’mod partikolari biex il-proġetti marbuta mal-klima jibbenefikaw lill-gżejjer żgħar. Bħala l-bank tal-klima tal-UE, aħna ninsabu lesti biex inkomplu nappoġġjaw l-azzjoni klimatika fl-Ewropa u lil hinn.”

Dwar l-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) issa lesta s-sitt edizzjoni tal-Istħarriġ annwali tal-BEI dwar il-Klima, evalwazzjoni bir-reqqa ta’ kif in-nies iħossuhom dwar it-tibdil fil-klima. Is-sitt edizzjoni tal-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima, li saret bi sħab mal-kumpanija għar-riċerka fis-suq BVA, għandha l-għan li tinforma d-dibattitu wiesa’ dwar l-attitudnijiet u l-aspettattivi f’termini tal-azzjoni klimatika. Aktar minn 30 000 rispondent ipparteċipaw fl-istħarriġ mis-7 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2023, b’panel rappreżentattiv ta’ persuni li kellhom minn 15-il sena ’l fuq għal kull wieħed mill-35 pajjiż fejn sar l-istħarriġ (UE 27, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Renju Unit, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, il-Kanada u l-Emirati Għarab Magħquda).

Dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Huwa attiv f’aktar minn 160 pajjiż u jipprovdi finanzjament fuq żmien fit-tul għal investiment sod sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE. 

  • Fl-2019, il-BEI adotta politika aġġornata dwar is-self għall-enerġija li ġabet fit-tmiem is-self lil kwalunkwe proġetti li jużaw enerġija mill-fjuwils fossili mingħajr waqfien jew tnaqqis fl-intensità, inkluż il-gass naturali. Il-BEI kien l-ewwel bank tal-iżvilupp multilaterali li għamel dan. 
  • Fl-2021, il-BEI sar ukoll l-ewwel bank tal-iżvilupp multilaterali li allinja l-attivitajiet finanzjarji tiegħu mal-Ftehim ta’ Pariġi. 
  • Permezz tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank tal-Klima tiegħu, il-Grupp tal-BEI għandu l-għan li jappoġġja €1 triljun ta’ investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali fid-deċennju kritiku tal-2021-2023. 
  • Huwa wkoll impenjat li jżid l-investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali għal aktar minn 50% tas-self annwali tiegħu sal-2025 (l-aħħar sena dik il-mira ġiet maqbuża b’figura ta’ 58%).

BEI Globali huwa l-fergħa speċjalizzata tal-Grupp tal-BEI ddedikat għal operazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea u huwa msieħeb ewlieni tal-istrateġija tal-Gateway Globali tal-UE. Għandu l-għan li jappoġġja mill-inqas €100 biljun ta’ investiment sal-aħħar tal-2027, madwar terz tal-mira globali tal-Gateway Globali. Fi ħdan Tim Ewropa, il-BEI Globali jrawwem sħubiji b’saħħithom u ffukati flimkien ma’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp u s-soċjetà ċivili. Il-BEI Globali jressaq il-Grupp aktar qrib il-komunitajiet, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet lokali permezz tal-uffiċċji tiegħu madwar id-dinja.

Dwar BVA Xsight

BVA Xsight hija pijunier fir-riċerka fis-suq u l-konsultazzjoni. Bl-għarfien speċifiku għas-settur u l-ħiliet tagħhom, l-400 espert tagħha janalizzaw l-aspetti uniċi tal-ħajjiet tal-individwi. Huma jipprovdu għarfien profond u li tista’ tittieħed azzjoni fuqu, u b’hekk itejbu t-teħid tad-deċiżjonijiet u l-prestazzjoni organizzazzjonali.

BVA Xsight topera kemm fi Franza u kemm internazzjonalment, u tissieħeb ma’ organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. Rikonoxxuta permezz ta’ diversi premjijiet għall-kapaċitajiet innovattivi tagħha, BVA Xsight tiddistingwi ruħha permezz tal-impenn tat-timijiet tagħha u l-passjoni għall-professjoni.

Imwaqqfa fi Franza fl-1970, BVA Xsight hija kumpanija mmexxija mill-missjoni tagħha u hija parti mill-BVA Group internazzjonali.

Sir af aktar dwar BVA Xsight: www.bva.fr