>@EIB/EIB
  • Ambizzjoni ġdida ta’ koeżjoni: Il-BEI se jimmira li jżid is-sehem tal-finanzjament tal-UE għar-reġjuni ta’ koeżjoni minn 30 % għal 45 % sal-2025.
  • Enfasi aktar b’saħħitha fuq ir-reġjuni anqas żviluppati: sal-2025, 23 % tal-finanzjament kollu tal-BEI fl-Unjoni Ewropea se jmur għal reġjuni anqas żviluppati.
  • Appoġġ akbar għall-innovazzjoni u s-settur privat fir-reġjuni ta’ koeżjoni.

Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-Erbgħa approva d-dokument ta’ orjentazzjoni dwar il-koeżjoni li jistabbilixxi l-qafas il-ġdid għall-azzjoni ta’ koeżjoni tal-BEI  għall-2021-2027. Il-Bord, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha tal-UE, għamel aktar finanzjament disponibbli għal proġetti tas-settur pubbliku u privat fir-reġjuni ta’ koeżjoni — dawk bi prodott domestiku gross (PDG) per capita taħt il-medja tal-UE. Id-deċiżjoni tqiegħed ukoll is-sisien għaż-żieda fl-azzjoni klimatika u fis-self ambjentali f’reġjuni ifqar, għat-trawwim tal-innovazzjoni fir-reġjuni ta’ koeżjoni u għall-iżgurar li l-finanzjament mill-BEI jikkomplementa l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fil-baġit il-ġdid tal-UE ta’ seba’ snin. Is-servizzi ta’ finanzjament ta’ koeżjoni, ta’ konsulenza u ta’ ġestjoni tal-fondi tal-BEI għandhom l-għan li  jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali billi jappoġġaw proġetti fl-ifqar reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

Id-dokument ta’ orjentazzjoni dwar il-koeżjoni jiffoka fuq ħames impenji ġodda.

1)     Il-BEI se jimmira li jżid il-finanzjament tiegħu għar-reġjuni ta’ koeżjoni għal 45 % tas-self annwali tiegħu fl-UE sal-2025.

2)     Il-BEI se jalloka 23 % tas-self annwali tiegħu fl-UE lil reġjuni anqas żviluppati (dawk b’PDG per capita ta’ anqas minn 75 % tal-medja tal-UE) sal-2025.

3)     Il-BEI se jiffinanzja kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (kumpaniji b’bejn 250 u 3 000 impjegat) f’reġjuni inqas żviluppati biex jużaw teknoloġiji ppruvati għall-ewwel darba meta dawn il-proġetti juru benefiċċji ekonomiċi jew ambjentali ċari fil-livell lokali.

4)     Fir-reġjuni ta’ koeżjoni, il-BEI se jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja permezz tal-għoti ta’ self dirett.

5)     Il-Grupp tal-BEI se jwettaq rieżami ta’ nofs it-terminu tad-dokument ta’ orjentazzjoni tal-koeżjoni fl-2023.

Il-Viċi President tal-BEI Lilyana Pavlova, li hija responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni u l-finanzjament ta’ koeżjoni, ikkummentat: “Waħda mill-missjonijiet fundaturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment hija li jqarreb lill-Unjoni Ewropea billi jinvesti fir-reġjuni u l-komunitajiet l-aktar foqra tiegħu. Għamilna dan b’suċċess għal aktar minn 60 sena. Id-dokument ta’ orjentazzjoni dwar il-koeżjoni tal-BEI għas-seba’ snin li ġejjin jistabbilixxi ambizzjoni ġdida u ċara sabiex l-azzjoni ta’ koeżjoni tagħna tkun tista’ tissodisfa l-isfidi soċjoekonomiċi u ambjentali ta’ żminijietna. B’mod speċjali rridu niżguraw li l-ebda persuna jew post ma jitħallew lura fit-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija u soċjetà moderni, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, reżiljenti għall-klima u diġitali.”

Il-BEI u l-koeżjoni

Il-finanzjament ta’ proġetti li jgħinu fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea ilu fil-qalba tal-operazzjonijiet tal-BEI sa minn meta ġie stabbilit fl-1958. Matul l-aħħar seba’ snin, aħna pprovdejna €123.8 biljun għal proġetti fir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-UE. Fl-2020 biss, dan ammonta għal kważi €20 biljun. L-immudellar ekonomiku juri li l-għoti ta’ self mill-BEI kellu impatt makroekonomiku qawwi fuq ir-reġjuni ta’ koeżjoni b’impatt fuq il-PDG sa 2 %.

L-għoti ta’ self tagħna fiż-żoni ta’ koeżjoni jkopri l-firxa sħiħa tal-attività ekonomika u jrid jaqa’ taħt tal-anqas waħda mill-erba’ prijoritajiet tal-BEI: l-innovazzjoni, l-infrastruttura, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u s-sostenibbiltà ambjentali. Ir-reġjuni ta’ prijorità ta’ koeżjoni tal-BEI jinkludu reġjuni inqas żviluppati (PDG per capita ta’ inqas minn 75 % tal-medja tal-UE) u reġjuni fi tranżizzjoni (PDG per capita ta’ bejn 75 % u 100 % tal-medja tal-UE), kif definit mill-mappa tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE (ara l-Anness 1).

Niżżel id-dokument ta’ orjentazzjoni dwar il-koeżjoni

Aqra l-artiklu mill-Viċi President Pavlova:  L-immodernizzar tal-politika ta’ koeżjoni biex tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’pajjiżi aktar foqra tal-UE (eib.org)

Intervisti mal-midja

Jekk inti interessat/a li jintervistaw lill-Viċi President tal-BEI Pavlova, lill-Viċi-President Mourinho Félix jew lill-esperti tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana.

Anness 1:

>@EIB