Suche starten DE menü Kundenportal der EIB-Gruppe
Suche starten
Ergebnisse
Top-5-Suchergebnisse Alle Ergebnisse anzeigen Erweiterte Suche
Häufigste Suchbegriffe
Meistbesuchte Seiten
EIB
  • Is-27 Stat Membru japprovaw pjan biex jiżdied finanzjament rekord ġdid għal €100 biljun fl-2025.
  • Il-limitu rivedut jinkludi 3.5% ta’ finanzjament totali għas-sigurtà u d-difiża Ewropej. Il-Bord tal-BEI approva wkoll proġett ewlieni għall-kostruzzjoni ta’ bażi militari fil-Litwanja.
  • L-azzjonisti tal-Grupp tal-BEI jniedu l-akbar programm tal-UE biex jiffinanzja t-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa u japprovaw l-ewwel mewġa ta’ strumenti ġodda bħala appoġġ għall-industrija nadifa.
  • Il-Bord tal-FEI approva patt mal-Aġenzija Ġermaniża ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni biex jipprovdi garanzija pan-Ewropea għall-kumpaniji li qed jagħmlu kummerċ mal-Ukrajna.

L-azzjonisti tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-Istati Membri tal-UE, approvaw limitu ta’ finanzjament rekord ta’ €100 biljun għal din is-sena u programmi ġodda biex jissaħħu l-kompetittività tal-Ewropa, it-tmexxija teknoloġika u s-sigurtà.

F’laqgħa llum fil-Lussemburgu, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI, magħmul mill-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, approva l-limitu tal-finanzjament għall-2025. Il-Bord ta' Diretturi tal-BEI u tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) taw l-approvazzjoni tagħhom aktar kmieni din il-ġimgħa għaż-żieda fil-finanzjament għas-sigurtà u d-difiża, il-grilji tal-enerġija u l-programm il-ġdid TechEU biex tingħata spinta għat-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa. Approvaw ukoll proġetti emblematiċi inkluż biex jingħata appoġġ għall-ekonomija tal-Ukrajna u l-kostruzzjoni ta’ bażi militari ewlenija fil-Litwanja.

“L-appoġġ unanimu tal-azzjonisti tagħna, is-27 Stat Membru, għall-proposti tagħna biex nipprovdu finanzjament rekord għad-difiża, is-sigurtà tal-enerġija u t-tmexxija teknoloġika, juri r-rwol ewlieni tal-Grupp tal-BEI li jappoġġa l-prijoritajiet strateġiċi tal-Ewropa,” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño. “F’dinja fejn kollox kullimkien qed jinbidel kollox f'daqqa, l-UE hija fanal ta’ ċarezza, kunfidenza u stabbiltà.”

Il-limitu ta’ finanzjament il-ġdid ta’ €100 biljun għall-2025 tal-Grupp tal-BEI żvolġa minn rieżami f’nofs is-sena tal-pjan operazzjonali tal-organizzazzjoni, li jinkludi żieda sa 3.5% tal-finanzjament totali għas-settur Ewropew tas-sigurtà u d-difiża, finanzjament rekord ta’ aktar minn €11 biljun għall-grilji u l-ħażna tal-enerġija, u aktar appoġġ għall-innovazzjoni teknoloġika u industrijali tal-UE.

Il-programm TechEU

Il-Grupp tal-BEI issa qed iniedi l-akbar programm ta’ finanzjament tal-UE b’appoġġ għall-innovazzjoni u t-tmexxija teknoloġika biex jattira talent, kapital u investiment fl-Ewropa. TechEU se jipprovdi €70 biljun f’ekwità, kważi ekwità, self u garanziji tal-Grupp tal-BEI fl-2025-2027 u kapital privat kollettiv biex jiġġenera tal-anqas €250 biljun f’investimenti.

TechEU qed jikkumplimenta l-“Istrateġija għall-Kumpaniji Start-up u Scale-up” tal-Kummissjoni Ewropea biex jappoġġa proġetti ta' riskju ogħla u kumpaniji innovattivi matul il-vjaġġ ta’ investiment tagħhom.

TechEU jipprovdi aktar appoġġ għas-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali, l-infrastruttura diġitali, materja prima essenzjali, l-industriji ekoloġiċi bħat-teknoloġiji eoliċi lil hinn mill-kosta, is-saħħa, teknoloġiji tas-sigurtà u d-difiża, ir-robotika u materjal avvanzat. Se jkollu fil-mira kumpaniji innovattivi f’kull stadju tal-iżvilupp tagħhom – mill-ideat inizjali sal-kwotazzjonijiet fil-Borża.

Patt għal Industrija Nadifa

Il-Bord tal-BEI approva wkoll l-ewwel mewġa ta’ strumenti taħt TechEU biex jappoġġaw it-tmexxija tal-Ewropa fit-teknoloġija nadifa, konformi mal-Patt tal-UE għal Industrija Nadifa, inkluż it-tisħiħ ta’ kontrogaranziji għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ, u tliet strumenti ġodda biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa:

  • Pakkett ta’ €1.5 biljun biex jipprovdi kontrogaranziji permezz ta’ banek imsieħba lil manifatturi ta’ komponenti tal-grilji biex tiġi żgurata provvista sostenibbli, billi jagħti lill-kumpaniji aktar ċertezza biex ikattru l-produzzjoni tan-networks tal-elettriku madwar l-Ewropa kollha. Dan se jiffaċilita l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja u t-twassil ta’ enerġija affordabbli lil negozji u unitajiet domestiċi tal-UE.
  • Sabiex jiżguraw spejjeż tal-enerġija prevedibbli u affordabbli għan-negozji u jaċċelleraw l-investimenti fl-enerġija ekoloġika, il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea se jniedu programm pilota ta’ €500 miljun li jappoġġa l-użu ta’ aktar ftehimiet korporattivi dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs). Il-BEI, permezz ta’ banek imsieħba, se joffri kontrogaranziji għal parti mill-PPAs meħuda minn kumpaniji ta’ daqs medju kif ukoll kumpaniji akbar intensivi fl-użu tal-enerġija għall-akkwist fuq żmien fit-tul tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi nodfa.
  • Sabiex jipprovdu likwidità u kapital operatorju għal intrapriżi ta' daqs żgħir u medju ferm innovattivi li huma attivi fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi, il-BEI u l-Kummissjoni se jniedu skema ta’ garanzija ta’ CleantechEU ta’ €250 miljun.
  • Żieda ta’ €1.5 biljun fi programm ta’ suċċess tal-BEI li jappoġġa lill-manifatturi Ewropej ta’ turbini tar-riħ u komponenti.

Presidenzi ġodda

Il-Ministru tal-Finanzi Ċek Zbyněk Stanjura se jieħu l-kariga tal-president il-ġdid tal-Bord tal-Gvernaturi għal sena b’effett immedjat.

“Il-BEI għandu rwol ewlieni fl-appoġġ tal-prijoritajiet Ewropej mid-difiża sas-sigurtà tal-enerġija jew l-akkomodazzjoni affordabbli,” jgħid il-Ministru tal-Finanzi Ċek Zbyněk Stanjura. “Ninsab kuntent li se nieħu l-kariga ta’ president tal-Bord tal-Gvernaturi. Nistenna bil-ħeġġa li naħdem mill-qrib mal-President Calviño u Ministri tal-Finanzi oħrajn tal-UE, biex nappoġġaw il-BEI, hekk kif iżid l-attivitajiet tiegħu biex jgħin jindirizza l-bosta sfidi li l-Ewropa qed taffaċċja.”

“Il-BEI wera b’mod impressjonanti l-kapaċità tiegħu li jappoġġa objettivi Ewropej f’ambjent ġeopolitiku dejjem aktar kumpless u biex effettivament iwettaq ir-responsabbiltajiet dejjem akbar tiegħu fl-appoġġ tas-sigurtà u d-difiża, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-pożizzjoni operazzjonali u finanzjarja tal-Bank,” qalet il-Ministru tal-Finanzi Bulgara Temenuzhka Petkova, li ppresediet il-Bord tal-Gvernaturi matul l-aħħar 12-il xahar. “Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi lill-President Calviño, lill-istituzzjoni u nibgħat l-isbaħ xewqat tiegħi lill-president il-ġdid, l-għażiż kollega tiegħi Zbyněk Stanjura.

Il-Bord tal-Gvernaturi laqa’ wkoll lil Katja Pluto bħala l-president il-ġdid tal-Kumitat tal-Verifika, li tieħu post Nuno Gracias Fernandes. Barra dan, il-Kumitat tal-Verifika ppreżenta r-rapport annwali tiegħu.

Is-sigurtà tal-enerġija, id-difiża u sħubiji globali

Qabel il-Bord tal-Gvernaturi, il-Bordijiet tad-Diretturi tal-BEI u l-FEI din il-ġimgħa approvaw operazzjonijiet ġodda għal total ta’ €12.8 biljun biex jissaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża, il-kompetittività, is-sigurtà tal-enerġija u l-isħubiji tal-Ewropa mad-dinja kollha. Dawn jinkludu inizjattivi taħt il-pakkett tal-Patt għal Industrija Nadifa tal-Grupp tal-BEI u appoġġ għall-iżvilupp fil-Litwanja tal-bażi militari ta’ Rūdninkai, għall-brigata Ġermaniża Bundeswehr, proġett ewlieni biex jissaħħu l-operazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u s-sigurtà reġjonali.

Il-Bord tal-BEI approva tliet impjanti fotovoltajċi solari fir-Rumanija, infrastruttura tal-ilma fl-Irlanda u n-Netherlands, grilji tal-elettriku fil-Ġermanja u faċilitajiet tal-edukazzjoni fil-Finlandja. Minbarra dan, il-BEI qed isaħħaħ is-sħubiji globali tal-Ewropa billi appoġġa l-enerġija rinnovabbli fil-Kolombja, it-trasport bl-ilma sostenibbli fin-Niġerja, u servizzi tas-sanità tal-ilma fit-Tanzanija.

Il-Bord tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) approva tranżazzjoni ta’ garanzija mal-aġenzija nazzjonali Ġermaniża ta’ kreditu għall-esportazzjoni biex isaħħaħ l-appoġġ għall-kumpaniji Ġermaniżi li jesportaw lejn l-Ukrajna, kif ukoll żewġ tranżazzjonijiet ta’ garanzija ma’ banek Ukreni biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal aktar minn 1,500 negozju Ukren. Dan wara l-ewwel firma f’Mejju mal-Aġenzija Daniża ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni biex jipprovdi garanzija pan-Ewropea għall-kumpaniji li qed jesportaw lejn l-Ukrajna.

Minbarra dan, il-FEI approva investimenti f’erba’ fondi tal-infrastruttura li se jappoġġaw iċ-ċentri tad-data greenfield, l-investimenti fil-wireless u l-fibra, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport marittimu, il-mobilità sostenibbli, u akkomodazzjoni tal-istudenti.

Dikjarazzjonijiet dwar il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI se jkunu disponibbli fuq EBS.

Informazzjoni ġenerali  

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta' tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Il-BEI jiffinanzja investimenti fi tmien prijoritajiet ewlenin li jappoġġaw l-objettivi tal-politika tal-UE: l-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, l-unjoni tas-swieq kapitali, u Ewropa aktar b'saħħitha f’dinja aktar paċifika u għanja.  

Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma kważi €89 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġett ta’ impatt għoli fl-2024, biex b’hekk saħħaħ il-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa.    

Billi rawwem l-integrazzjoni tas-suq u mmobilizza l-investiment, il-Grupp appoġġa rekord ta’ aktar minn €100 biljun f’investiment ġdid għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fl-2024 u mmobilizza €110 biljun f’kapital għat-tkabbir għal negozji start-ups, negozji scale-ups u pijunieri Ewropej. Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-UE għandu fil-mira r-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul għal kull ras huwa inqas mill-medja tal-UE, filwaqt li kważi 60% tal-investimenti annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġaw l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali.

Ritratti ta’ kwalità għolja u aġġornati tal-kwartieri ġenerali tagħna għall-użu mill-media huma disponibbli hawnhekk. 

custom-preview

Kontakt

Referenz

2025-247-MT