Il-kompożitur u surmast Christopher Muscat idawwar il-karriera tiegħu u jikteb kapitlu ġdid fl-istorja tat-Teatru Rjali tal-Opra ikoniku ta’ Malta, b’appoġġ mill-UE.

Il-battalji tat-Tieni Gwerra Dinjija ħallew bosta mill-postijiet storiċi ta’ Malta meqruda. Fosthom kien hemm it-Teatru Rjali tal-Opra tal-Belt Valletta.

Il-fdalijiet tat-Teatru tal-Opra safa mitluq għal deċennji. Kien hemm proposti biex jinbena mill-ġdid, iżda l-ebda waħda minnhom m’għamlet progress. Baqa’ ma ntmissx sa ftit snin ilu biss, meta l-Belt Valletta sawret programm ambizzjuż biex dan jerġa’ jinbena, iffinanzjat mill-gvern Malti u l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-bank tal-UE.

Minflok reġa’ nbena kompletament, il-fdalijiet tal-istruttura l-qadima ġew inkorporati f’teatru miftuħ b’teknoloġija avvanzata msejjaħ il-Pjazza Teatru Rjal.

“Meta kont qed nikber, bażikament kien parkeġġ żdingat,” jiftakar Christopher Muscat, id-direttur tat-teatru. “Hija tassew sensazzjoni maġika li tara t-trasformazzjoni tiegħu f’wieħed miċ-ċentri kulturali tal-belt wara tant snin.”

Christopher iddedika ħajtu għall-mużika. Fl-età ta’ 16-il sena, kien diġà għamel taħriġ mużikali professjonali u kien jaf idoqq tliet strumenti. Aktar tard, studja t-tmexxija u l-kompożizzjoni f’Malta u fir-Renju Unit.

Meta sar jaf bir-rikostruzzjoni tat-teatru tal-opra l-ġdid, kien ilu d-direttur tal-attivitajiet artistiċi mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għal kważi 15-il sena. “Kont lest għal sfidi ġodda. Għalhekk, meta feġġet l-opportunità li nsir id-direttur tat-teatru l-ġdid, jien sempliċement ħtaftha.”

“Minn meta bdejt naħdem hawn, dħalt għal forom tal-arti differenti, bħaż-żfin u t-teatru,” jgħid Christopher. “Dan għinni nikber bħala artist.”

Fl-erba’ snin minn meta fetaħ, it-teatru sar isem komuni fil-Belt Valletta. Il-kumpanija ppreżentat kunċerti, drammi u, ovvjament, opri. “Fix-xogħol preċedenti tiegħi, kont nagħti kunċerti f’postijiet differenti kull ġimgħa,” jgħid Christopher. “Issa, għandi teatru li nista’ nsejjaħlu l-għamar tiegħi.”

L-impjieg ta’ Christopher huwa wieħed minn miljuni appoġġati mill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-bank tal-UE.  Sal-2021, l-investimenti ffirmati mill-Grupp tal-BEI fl-2017 biss huma mistennija li jkunu għollew il-PDG tal-UE b’1.1% u li jkunu ħalqu 1.2 miljun impjieg.  Anke fl-2036, xorta se jkun hemm żieda ta’ 0.7% fil-PDG tal-UE bħala riżultat tal-investimenti tal-BEI fl-2017, kif ukoll 650 000 impjieg addizzjonali.

“Dak li nħobb l-aktar dwar xogħli huwa li kull rappreżentazzjoni, kull kunċert donnu qed jikteb storja ġdida. Hija sfida, iżda waħda sodisfaċenti,” jgħid Christopher. “Iżda, aktar minn kull ħaġ’oħra, inħossni grat li nista’ nikteb il-kapitlu l-ġdid fl-istorja ta’ wieħed mis-siti ta’ patrimonju kulturali l-aktar ikoniċi tal-Belt Valletta.”