Recherche FR menu Portail client du Groupe BEI
Recherche
Résultats
5 premiers résultats de la recherche Voir tous les résultats Recherche avancée
Recherches les plus fréquentes
Pages les plus visitées
Getty
  • Il-Bord tal-BEI jadotta t-tieni fażi tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku, li huwa minn tal-ewwel ta’ dan it-tip, filwaqt li jiffoka fuq il-kompetittività, is-sigurtà u l-prezzijiet tal-enerġija iktar baxxi għall-kumpaniji u għall-familji.
  • Il-pjan jinkludi l-irdoppjar tal-investiment għall-adattament għat-tibdil fil-klima, flimkien ma’ proċeduri radikalment issimplifikati.
  • Id-deċiżjoni tikkonsolida r-rwol tal-Grupp tal-BEI bħala l-Bank Klimatiku u tafferma mill-ġdid l-impenn biex jibqa’ bħala ankra finanzjarja tar-rivoluzzjoni industrijali ekoloġika.

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qed ikompli bit-tieni fażi tal-Pjan Direzzjonali tiegħu tal-Bank Klimatiku, li huwa minn tal-ewwel ta’ dan it-tip, filwaqt li jibqa’ l-ankra finanzjarja tar-rivoluzzjoni industrijali ekoloġika, is-sigurtà tal-enerġija u l-prosperità kondiviża. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess fenomenali tal-pjan direzzjonali mit-tnedija tiegħu fl-2020, it-tieni fażi tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Grupp tal-BEI sa tmiem dan id-deċennju, filwaqt li jissimplifika radikalment il-proċeduri tiegħu biex iħaffef l-investiment ekoloġiku.

Il-Bord tad-Diretturi tal-BEI adotta t-tieni fażi tal-pjan direzzjonali  flimkien mal-Orjentazzjoni tas-Settur tal-Enerġija , biex jikkonsolida l-pożizzjoni tal-Grupp bħala l-Bank Klimatiku. It-tieni fażi hija mibnija fuq tliet għodda prinċipali:

  • Enfasi iktar b’saħħitha fuq il-kompetittività, is-sigurtà u l-prezzijiet tal-enerġija iktar baxxi għall-kumpaniji u għall-familji, billi jwassal enerġija nadifa għall-but ta’ kulħadd u prodotta lokalment lin-negozji u lid-djar, irawwem soluzzjoniet innovativi u jsaħħaħ it-tmexxija teknloġika tal-Ewropa.
  • Irdoppjar tal-finanzjament tal-adattament għal €30 biljun bejn l-2026 u l-2030: Id-deċiżjoni tal-Bord din il-ġimgħa f’Ċipru – l-iktar pajjiż nieqes mill-ilma fl-Ewropa – tenfasizza l-importanza tal-adattament għas-sigurtà u l-prosperità kollettiva, filwaqt li tenfasizza wkoll ir-redditi ekonomiċi ċari tiegħu.
  • Simplifikazzjoni radikali: It-tneħħija tal-burokrazija żejda billi jiġi bbażat fuq awtovalutazzjoni u regoli u rapporti eżistenti, parametri referenzjarji, standards regolatorji u regoli tal-kontropartijiet, u użu estiż ta’ verifikaturi ekoloġiċi effiċjenti.

Nadia Calviño, il-President tal-Grupp tal-BEI, qalet li “Jekk nibnu fuq is-suċċess kbir tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku, inkunu qed nikkommettu ruħna għat-tranżizzjoni ekoloġika, għax huwa dak li għandna nagħmlu għall-futur tagħna, kif ukoll l-għażla intelliġenti għall-ekonomiji tagħna”. “B’rivoluzzjoni tal-enerġija li tinsab għaddejja ġmielha, qed nibqgħu iffukati għall-kompetittività tal-lum, għas-sigurtà tal-lum, u għall-pjaneta ta’ għada.”

Kompetittività, sigurtà u prezzijiet tal-enerġija iktar baxxi

Sa mit-tnedija tal-Pjan Direzzjonali Klimatiku fl-2020, il-Grupp tal-BEI appoġġa ’l fuq minn €560 biljun f’investiment ekoloġiku – madwar 90% ġewwa l-Unjoni Ewropea (UE) – u jinsab fit-triq it-tajba biex jissodisfa l-għan prinċipali tiegħu li jappoġġa mill-inqas €1 triljun f’investiment ekoloġiku f’dan id-deċennju. Bit-tieni fażi tal-pjan direzzjonali, il-Grupp tal-BEI qed jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jalloka iktar minn nofs il-finanzjament annwali tiegħu għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali.

Għall-futur, il-Grupp tal-BEI se jżid l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa billi jappoġġa t-teknoloġija nadifa, isaħħaħ il-katini tal-provvista, jgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija, u jtejjeb is-sigurtà tal-enerġija, bi prodotti speċjalizzati bħal finanzjament personalizzat għal ftehimiet ta’ xiri tal-enerġija. Il-Grupp tal-BEI ppjana ammont rekord ta’ €11-il biljun f’finanzjament ġdid għall-grilji tal-enerġija f’din is-sena waħedha, wara li diġà mmobilizza 40% tal-investiment totali tal-Ewropa f’dan is-settur fl-2024, b’ambizzjonijiet biex din is-sena iżid iktar iċ-ċifra.

Inizjattiva ġdida ta’ €17-il biljun se tgħin 350 000 intrapriża Ewropea żgħira u ta’ daqs medju (SMEs) jinvestu f’iffrankar tal-enerġija, filwaqt li kontrogaranziji għall-manifatturi tar-riħ u tal-grilja se jiżguraw forniment sostenibbli. Il-programm TechEU, li huwa l-ikbar inizjattiva ta’ finanzjament għall-innovazzjoni tal-Ewropa, għandu l-għan li sal-2027 jimmobilizza €250 biljun, b’appoġġ għal innovaturi tat-teknoloġija nadifa fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu.

Biex jiżgura tranżizzjoni ekoloġika ġusta, il-BEI qed jappoġġa wkoll familji b’introjtu baxx permezz ta’ self ta’ rinnovazzjoni għall-but ta’ kulħadd u kiri ta’ teknoloġija nadifa ta’ assi bħal vetturi u pompi tas-sħana, bi sħubija ma’ banek lokali. Pakkett ġdid ta’ investiment u ta’ konsulenza tal-klima u tal-ġeneru se jkabbar il-konsenja ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament baxxi fil-karbonju u tal-klima għan-nisa, il-bniet u gruppi ta’ popolazzjoni diversa madwar id-dinja kollha.

Irdoppjar tal-finanzjament tal-adattament għal €30 biljun

L-investiment fl-adattament huwa kemm essenzjali kif ukoll ekonomikament għaref: avvenimenti tat-temp estrem fl-Ewropa f’dan is-sajf waħdu kkawżaw mill-inqas €43 biljun f’telf ekonomiku fuq terminu qasir, filwaqt li kull ewro li jintnefaq fuq il-prevenzjoni u l-adattament huwa stmat li jiffranka bejn ħames u seba’ ewro fi spejjeż ta’ ħsara u rikostruzzjoni fil-futur.

Il-Grupp tal-BEI se jirdoppja l-finanzjament tiegħu tal-adattament tal-klima għal €30 biljun għall-perjodu 2026–2030, meta mqabbel mal-ħames snin preċedenti. Dan l-appoġġ imtejjeb se jiffoka fuq l-agrikoltura, il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ilma, il-kumpaniji, l-ibliet, ir-reġjuni u l-komunitajiet vulnerabbli, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ sħab nazzjonali, reġjonali, u tas-settur privat. Biex jgħin lill-klijenti jagħtu bidu għall-proġetti, il-Grupp tal-BEI se jagħti spinta sinifikanti lill-assistenza teknika, inkluż għall-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli tad-dinja, bħal stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, pajjiżi inqas żviluppati, komunitajiet ta’ introjtu baxx, popli indiġeni, nisa, migranti, żgħażagħ u anzjani.

Simplifikazzjoni radikali

Il-Grupp tal-BEI qed jissimplifika l-proċessi tiegħu biex iħaffef l-aċċess għall-finanzjament ekoloġiku u jnaqqas piżijiet amministrattivi, speċjalment għall-SMEs. Billi jisfrutta l-istandards ta’ rappurtar tal-UE, bħad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD), u jkabbar l-użu ta’ għodod diġitali bħall-Verifikatur Ekoloġiku, il-Grupp tal-BEI qed iħaffef u jissimplifika l-aċċess għall-finanzjament u t-tnaqqis tal-burokrazija għall-klijenti tiegħu.

Dan l-approċċ isaħħaħ l-appoġġ tal-Grupp tal-BEI għal inizjattivi tal-UE bħall-Boxxla għall-Kompetittività u l-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni Omnibus. Taħt it-tieni fażi tal-pjan direzzjonali, il-Grupp tal-BEI qed jissimplifika r-rekwiżiti tiegħu għall-kumpaniji, partikolarment dawk li jaċċessaw il-prodotti tiegħu permezz ta’ banek sħab, u jallinja r-rekwiżiti ta’ rappurtar ma’ standards ta’ sostenibbiltà tal-UE bħas-CSRD, biex ikompli jnaqqas l-obbligi ta’ rappurtar tal-klijenti.

Sħubiji globali

Il-Grupp tal-BEI qed jiffinalizza orjentazzjoni strateġika għall-operat tiegħu barra mill-Unjoni Ewropea, imfassla biex issaħħaħ sħubiji li minnhom kull parti tista’ tibbenefika, biex tixpruna t-tranżizzjoni ekoloġika globali u toħloq opportunitajiet għal pijunieri ekoloġiċi Ewropej.

Involviment tal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-impenn tiegħu ta’ aċċessibbiltà u trasparenza, il-Grupp tal-BEI stieden partijiet ikkonċernati esterni biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-tieni fażi tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tiegħu u l-Orjentazzjoni tas-Settur tal-Enerġija tiegħu. F’laqgħa fl-Lulju 2025 issemmiet 160 reġistrazzjoni, filwaqt li weriet impenn b’saħħtu mis-soċjetà ċivili, sħab istituzzjonali u l-pubbliku inġenerali. Ġiet organizzata laqgħa ta’ segwitu f’Settembru 2025. Il-partijiet ikkonċernati ġew imħeġġa wkoll jissottomettu feedback bil-miktub, li ġie kkompilat f’rapport iddedikat.

Informazzjoni ġenerali   

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Il-BEI jiffinanzja investimenti fi tmien prijoritajiet ewlenin li jappoġġaw l-objettivi tal-politika tal-UE: l-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, Ewropa aktar b’saħħitha f’dinja aktar paċifika u għanja, u l-unjoni tas-swieq kapitali tal-Ewropa.  

Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma kważi €89 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġett ta’ impatt għoli fl-2024, biex b’hekk saħħaħ il-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa.  

Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-UE għandu fil-mira r-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul għal kull ras huwa inqas mill-medja tal-UE, filwaqt li kważi 60% tal-investimenti annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġaw l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali.

Ritratti ta’ kwalità għolja u aġġornati tal-kwartieri ġenerali tagħna għall-użu mill-media huma disponibbli hawnhekk. 

Contact

Bruno Hoyer

Référence

2025-353-MT

Partager