Suche starten De menü de ClientConnect
Suche starten
Ergebnisse
Top-5-Suchergebnisse Alle Ergebnisse anzeigen Erweiterte Suche
Häufigste Suchbegriffe
Meistbesuchte Seiten

Dar f’Malta

Malta qiegħda tindirizza l-kriżi tal-akkomodazzjoni tagħha. Malita Investments tniedi proġett ewlieni tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli biex tindirizza domanda dejjem tikber u tiżgura li n-nies għandhom dar sostenibbli.

Kitba ta' 3 December 2024
 

Listen

Kull sena, Malta tattira aktar minn 2.5 miljun turist. Dawn iħallu ħafna flus, iżda jgħollu l-prezzijiet tal-propjetà u għaldaqstant l-akkomodazzjoni ssir dejjem aktar mhux affordabbli għan-nies lokali. Dik hija problema fl-għaxar l-iżgħar pajjiż tad-dinja, li huwa wkoll wieħed mill-aktar iffollati, fejn qiegħed fid-disa’ post fil-klassifika tad-densità tal-popolazzjoni globali. Il-ħtieġa urġenti għal akkomodazzjoni affordabbli intensifikat aktar wara l-pandemija tal-COVID-19 u bl-ispejjeż tal-enerġija dejjem jogħlew.

Malita Investments ilha tindirizza din il-kwistjoni kritika sa mill-2016. L-istituzzjoni kważi pubblika tippjana li tibni 752 appartament, u 698 spazju għall-parkeġġ u garaxxijiet sal-2026.

Fuq quddiem nett ta’ dan il-proġett, insibu lill-Kap Eżekuttiv Jennifer Falzon li qed tmexxi l-inizjattiva biex jinbnew djar għal individwi li qed jitħabtu biex isibu akkomodazzjoni stabbli jew qed jaffaċċjaw kera li tikkonsma porzjon kbir tal-pagi tagħhom.

L-għan tal-proġett tal-Malita huwa biex jgħin lir-residenti jagħmlu t-tranżizzjoni lejn sitwazzjonijiet ta’ għajxien stabbli u awtosuffiċjenti filwaqt li tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti għal akkomodazzjoni affordabbli.

“L-Awtorità tad-Djar f’Malta tevalwa l-istatus finanzjarju u l-progress tal-kandidati,” tgħid Falzon. “Wara valutazzjoni kontinwa, jekk familja issa tista’ taffordja l-propjetà tagħhom stess, l-Awtorità tad-Djar tagħmel l-appartament disponibbli għal xi ħadd ieħor li jkun fil-bżonn.”

“Irridu niżguraw li dawk li jeħtiġuh l-aktar ikollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn dan il-proġett,” jgħid Jean-Charles Flaus, uffiċjal għas-self fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment, li qed jiffinanzja nofs l-ispiża tal-proġett.

Malita Investments

Il-proġett huwa mifrux fuq għaxar lokalitajiet f’Malta. S’issa, diġà tlestew 392 appartament, 253 garaxx, u 37 spazju għall-parkeġġ, bil-biċċa l-kbira ta’ dawn l-unitajiet f’Ħal Luqa, qrib il-Belt Valletta u l-ajruport.

Affordabbli u sostenibbli

Hekk kif Malta tissielet ma’ din il-kriżi tal-akkomodazzjoni tagħha, soluzzjonijiet innovattivi huma essenzjali. Malita Investments mhux biss tindirizza l-ħtieġa urġenti għal akkomodazzjoni affordabbli iżda tenfasizza wkoll is-sostenibbiltà fl-inizjattivi tagħha.

Hemm ħafna aktar ippjanat, iżda l-inizjattiva tal-akkomodazzjoni ta’ Malita Investments mhijiex biss dwar il-kwantità. Il-kumpanija timmira għas-sostenibbiltà u l-effiċjenza.

L-appartamenti jinkorporaw firxa ta’ inizjattivi ta’ effiċjenza fl-enerġija biex jiġi żgurat li l-iżvilupp huwa allinjat ukoll mal-għanijiet tal-klima. Fil-proġett ta’ Ħal Luqa, ġew installati pannelli solari b’kapaċità ta’ 400W għal kull appartament biex titnaqqas id-dipendenza fuq sorsi tal-elettriku oħrajn. Id-disinni b’mod intenzjonali jimminimizzaw l-ispazju mhux użat billi jeliminaw kurituri twal u jevitaw kmamar kbar iżżejjed, biex jiġi żgurat użu effettiv ta’ kull metru kwadru.

Il-karatteristika l-aktar innovattiva tal-unitajiet tal-akkomodazzjoni hija l-inkorporazzjoni ta’ iżolament termali fis-sulari ta’ fuq nett. L-iżolament jgħin biex jitnaqqas l-assorbiment tas-sħana f’dan il-pajjiż fejn tagħmel ħafna sħana. Dan inaqqas b’mod sinifikanti l-enerġija li hija meħtieġa biex jiġu ffriskati l-appartamenti ta’ taħt. Ir-residenti ta’ dawn l-unitajiet issa jistgħu jimminimizzaw il-ħtieġa tagħhom għall-arja kkundizzjonata matul is-sjuf sħan ta’ Malta, u dan jagħti spinta għall-ambjent u għall-affordabbiltà tal-appartamenti fuq żmien fit-tul.

Minbarra li tagħmel l-appartament innifsu affordabbli, Malita tiżgura wkoll li r-residenti ma jaffaċċjawx kontijiet tas-servizzi għoljin li jġarrbu akkomodazzjonijiet irħas iżda aktar qodma. “Dan se jiżgura li kulħadd ikollu drittijiet bażiċi għall-akkomodazzjoni,” tgħid Falzon, “irrispettivament mid-dħul tagħhom.”

Il-fergħa tal-finanzjament tal-UE timla d-distakk fis-suq

Il-finanzjament għal dan it-tip ta’ proġett fl-Ewropa mhux faċli biex jinkiseb, b’mod partikolari f’pajjiżi iżgħar fejn l-ispejjeż dejjem jogħlew spiss jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-gvernijiet u r-residenti lokali. Huwa għalhekk li l-Bank Ewropew tal-Investiment qed jiffinanzja l-proġett tal-akkomodazzjoni f’Ħal Luqa tal-Malita Investments, li jagħmel parti minn inizjattiva akbar biex jinbnew 750 unità tal-akkomodazzjoni affordabbli sal-2026. Lura fl-2017, il-BEI pprovda self ta’ €24.7 miljun għall-programm ġenerali, u issa, fl-2024, estenda €22 miljun addizzjonali speċifikament għall-proġett ta’ Ħal Luqa, bil-mira li jimla d-distakk fejn il-finanzjament lokali għandu mnejn ma jkunx biżżejjed.

“Qed nirrispondu għan-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli għar-residenti bi dħul medju,” jgħid Jean-Charles Flaus, uffiċjal għas-self mal-Bank Ewropew tal-Investiment. “Il-ħtieġa hija urġenti, u qed immexxu ’l quddiem biex nagħmlu impatt reali.”

L-ewwel fażi tal-proġett f’Ħal Luqa inkludiet l-iżvilupp tal-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli f’Malta. Issa, il-fokus huwa biex jiġi żgurat li proġetti ma’ Malta kollha jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għall-akkomodazzjoni affordabbli.

Għajxien iffokat fuq il-futur

Minflok tinbena aktar art f’dan il-pajjiż żgħir, Malita tippjana wkoll biex tespandi l-propjetajiet tagħha ’l fuq – billi tibni sulari ġodda fuq il-bini diġà eżistenti.

L-inizjattiva tagħti prijorità lill-familji bi dħul baxx u medju wkoll. L-unitajiet, li jinsabu qrib l-iskejjel jew l-impjiegi kurrenti tagħhom, jipprovdu għamara bażika biex jgħinu lir-residenti jagħmlu tranżizzjoni bla xkiel fid-djar il-ġodda tagħhom.

“Aħna qegħdin hawn biex niżguraw li kulħadd għandu post li jista’ jsejjaħlu d-dar tiegħu,” jgħid Jean-Charles Flaus. “Dan għadu biss il-bidu.”