>@fotofabrika/Adobe Stock
©fotofabrika/ Adobe Stock
  • Il-Bord jikkundanna b’mod unanimu l-invażjoni brutali u illegali mir-Russja fil-konfront tal-Ukrajna bl-aktar mod qawwi
  • L-appoġġ finanzjarju huwa parti mir-Rispons Urġenti ta’ Solidarjetà lejn l-Ukrajna min-naħa tal-BEI
  • Appoġġ finanzjarju u tekniku addizzjonali għall-Ukrajna, pajjiżi ġirien u pajjiżi tal-UE biex jindirizzaw il-ħsara marbuta mal-gwerra u jlaħħqu mal-influss ta’ refuġjati.

F’laqgħa straordinarja li ġiet imsejħa fl-4 ta’ Marzu sabiex jiġi diskuss l-appoġġ urġenti tal-BEI għall-Ukrajna, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) esprima b’mod unanimu s-sens ta’ tkexkix tiegħu u kkundanna l-aggressjoni brutali, illegali u mhux ġustifikata mir-Russja fil-konfront tal-Ukrajna.

Il-Bord approva €668 miljun f’appoġġ finanzjarju immedjat għall-Ukrajna. Dan il-pakkett ta’ appoġġ inizjali għall-pajjiż mifluġ mill-gwerra jibbenefika mill-garanzija tal-UE taħt il-Mandat ta’ Self Estern u jikkumplimenta inizjattivi oħra mħabbra mill-istituzzjonijiet tal-UE. Se jgħin lill-awtoritajiet Ukreni jilħqu l-bżonnijiet finanzjarji l-aktar urġenti, li jinkludu x-xiri tal-ikel, ta’ provvisti mediċi u ta’ fjuwil għaċ-ċittadini tal-Ukrajna. L-appoġġ immedjat se jkun disponibbli f’temp ta’ ftit jiem. Il-BEI se jqassam il-fondi disponibbli taħt żewġ somom ta’ self tal-BEI li kienu ġew mogħtija oriġinarjament biex jappoġġjaw lil SMEs u lis-settur agrikolu fl-Ukrajna.

Barra minn hekk, il-Bord jaqbel li l-BEI għandu jfittex aktar inizjattivi taħt il-Pakkett ta’ Solidarjetà ta’ emerġenza għall-Ukrajna. Dawn jinkludu:

1.      Il-finanzjament ta’ bżonnijiet tal-infrastruttura kritika fl-Ukrajna billi jiġi fformulat skop ġdid għal impenji ta’ proġetti tal-infrastruttura sabiex jintlaħqu bżonnijiet ta’ investiment u rikostruzzjoni immedjati. Dawn se jkopru l-investiment fit-trasport, fl-enerġija, fl-iżvilupp urban u l-investiment diġitali. Dawn il-flus jistgħu jsiru disponibbli f’qasir żmien, hekk kif l-awtoritajiet Ukreni jkunu f’pożizzjoni li jiffirmaw l-emendi lil kuntratti eżistenti;

2.      Ngħinu biex nerġgħu nibnu dak kollu li jiġi meqrud mill-armata Russa billi niffinanzjaw infrastruttura ekonomika u soċjali kritika ġdida li tkun meħtieġa hekk kif tiġi stabbilita mill-ġdid Ukrajna ħielsa u indipendenti wara l-gwerra. Għal dan il-għan, il-BEI se juża l-esperjenza tiegħu mal-Programm tal-Irkupru Bikri għall-Ukrajna li kien appoġġja, wara l-aggressjoni mir-Russja tal-2014, il-bini mill-ġdid ta’ 238 proġett ta’ infrastruttura muniċipali u soċjali bħal skejjel u kindergartens, sptarijiet u akkomodazzjoni soċjali.

Barra minn hekk, l-esperti tal-BEI fil-preżent qed jevalwaw il-bżonnijiet ta’ pajjiżi fil-viċinat tal-Ukrajna u fi ħdan l-UE li qed jilqgħu lir-refuġjati mill-Ukrajna jew li huma affettwati mill-gwerra f’xi mod ieħor. Il-bank tal-UE qed jaħdem ma’ awtoritajiet nazzjonali u lokali, mal-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali u kontropartijiet oħra biex jagħmel l-assistenza finanzjarja u teknika disponibbli b’mod urġenti lil dawn il-pajjiżi u r-reġjuni. Il-finanzjament jista’ jieħu l-forma ta’ prijoritizzazzjoni mill-ġdid b’ritmu mgħaġġel ta’ self eżistenti, iżda li s’issa għadu ma ġiex żborżat, lil reġjuni u muniċipalitajiet, jew ta’ approvazzjoni ta’ operazzjonijiet ġodda marbuta mar-refuġjati li l-BEI jista’ jiffinanzja sa 100 % minflok il-massimu tas-soltu ta’ 50 %.

Werner Hoyer, President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, qal: “Fid-dawl tal-aggressjoni militari xokkanti min-naħa tar-Russja, inħossni mqanqal mid-determinazzjoni, il-kuraġġ u l-qlubija tal-poplu Ukren. Aħna ninsabu determinati li nagħmlu dak kollu possibbli biex nappoġġjaw lill-Ukrajna u nuru solidarjetà Ewropea mal-pajjiż b’mod konkret. Bl-appoġġ kruċjali tal-Kummissjoni Ewropea, fassalna pakkett finanzjarju sinifikanti bħala parti mir-rispons immedjat ġenerali tal-UE. Illum, il-bord tagħna qabel li jagħmel €668m ta’ likwidità bżonnjuża ferm disponibbli biex nappoġġjaw lill-awtoritajiet Ukreni. Din hija l-ewwel parti tal-Pakkett ta’ Solidarjetà ta’ emerġenza għall-Ukrajna. Barra minn hekk, il-Bank qed jesplora modi biex iħaffef il-konsenja ta’ €1.3 biljun ta’ investiment addizzjonali. Hekk kif ikunu jippermettu l-kundizzjonijiet, aħna se ngħinu biex nibnu mill-ġdid dak li nqered kawża tal-invażjoni fl-Ukrajna. Aħna se nintervjenu wkoll biex ngħinu lill-pajjiżi kollha affettwati, kemm jekk jinsabu fi ħdan l-UE u kemm jekk huma pajjiżi ġirien tal-UE, biex ilaħħqu mal-wasla tar-refuġjati mill-Ukrajna u jilqgħu għall-ħsara ekonomika kkawżata minn din il-gwerra terribbli.

Valdis Dombrovskis, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Dan il-pakkett sostanzjali tal-BEI li nilqgħu b’sodisfazzjon huwa l-aħħar wirja tas-solidarjetà soda tal-UE mal-Ukrajna, fi żmien meta l-pajjiż qed jaffaċċja ħtiġijiet enormi. Se jipprovdi likwidità immedjata lill-gvern Ukren fil-ġlieda tiegħu kontra l-aggressjoni illegali u krudili tar-Russja. Il-Kummissjoni tal-UE se tagħmel dak kollu possibbli biex tipprovdi appoġġ massimu lill-Ukrajna, b’ħidma mal-Istati Membri u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE.”