>@Getty
© Getty
  • BEI Globali se tniedi l-ewwel approċċ għal tranżizzjoni ġusta u reżiljenza ġusta.
  • Inizjattivi u proġetti ġodda għal azzjoni klimatika madwar id-dinja kollha.
  • Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tal-Grupp tal-BEI jikkonferma progress fil-miri ambizzjużi għal azzjoni klimatika u sostenibbiltà ambjentali.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jinsab lest biex jingħaqad mal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) f’Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2023. Flimkien mas-sħab globali, il-Bank se jippreżenta soluzzjonijiet tanġibbli għall-indirizzar tal-emerġenza klimatika u ambjentali.

Il-Grupp tal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment) se jħabbar proġetti ġodda għal teknoloġiji innovattivi fl-enerġija u l-adattament tal-klima kif ukoll approċċ pijunier għal proġetti għal tranżizzjoni ġusta u reżiljenza ġusta madwar id-dinja kollha. Il-BEI qed jaħdem ukoll mill-qrib ma’ banek ta’ żvilupp multilaterali (MDBs) sħab u mas-settur privat biex iħabbar appoġġ fil-COP28 għal pajjiżi fit-tħejjija u l-finanzjament ta’ proġetti appoġġati minn strateġiji fuq żmien fit-tul għal żvilupp dekarbonizzat u reżiljenti għall-klima.

Sa mill-2019, il-BEI ttrasforma ruħu fil-bank tal-UE, fejn żied il-finanzjament ekoloġiku annwali b’aktar minn 80% għal €36 biljun u temm l-appoġġ tiegħu għal proġetti tal-enerġija li jużaw il-fjuwils fossili mingħajr tnaqqis, inkluż il-gass naturali.

“Id-dinja qed taffaċċja l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, fejn dawk li huma l-aktar vulnerabbli fid-dinja li qed tiżviluppa, li huma l-inqas responsabbli għalih, ikunu dawk li qed ibatu l-aktar mill-kriżi klimatika”, jgħid il-President tal-BEI Werner Hoyer. Huwa żied: “Il-COP28 tippreżenta punt kruċjali għall-azzjoni klimatika internazzjonali. Irridu naħtfu l-opportunitajiet u nirrifjutaw li nirrassenjaw ruħna għall-agħar. Irridu ningħaqdu flimkien u niltaqgħu mas-sħab tagħna fuq livell ugwali biex naħdmu fuq soluzzjonijiet konkreti għal reżiljenza klimatika, fejn inneħħu gradwalment il-fjuwils fossili u nkabbru l-kapaċità tal-enerġija nadifa, permezz ta’ teknoloġiji innovattivi li joffru impjiegi ekoloġiċi u tkabbir sostenibbli. Nagħmel sejħa lis-sħab tagħna kollha biex naħdmu flimkien f’dan l-isforz.”

Il-Viċi President tal-BEI Ambroise Fayolle, responsabbli għall-azzjoni dwar il-klima, l-ambjent u l-iżvilupp, żied: “Il-BEI sema' s-sejħiet biex il-banek multilaterali tal-iżvilupp iżidu l-impatt tal-isforzi kollettivi tagħhom fl-azzjoni klimatika u ambjentali. Qed naħdmu mal-MDBs sħab tagħna fuq inizjattivi ambizzjużi li se jitħabbru fil-COP28. Fi ħdan il-BEI, il-Bord tad-Diretturi tagħna għadu kif approva rieżami ta' nofs it-terminu tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tagħna, li jikkonferma li l-Bank diġà qabeż il-mira tiegħu ta’ 50% ta’ finanzjament ekoloġiku għat-tieni sena konsekuttiva.”

Il-Viċi President tal-BEI Thomas Östros, responsabbli għall-investimenti fl-enerġija, qal: “Il-BEI jilqa’ l-ambizzjoni tal-Presidenza tal-COP28 biex jittripla l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 u jtejjeb immensament l-effiċjenza fl-enerġija fid-djar, fil-binjiet pubbliċi u fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna. Għandna esperjenza estensiva li nappoġġaw investimenti fl-enerġija nadifa mad-dinja kollha. Aħna nappoġġaw ukoll il-pożizzjoni tal-UE għall-COP28 li t-tranżizzjoni għal ekonomika newtrali għall-klima se teħtieġ ukoll tneħħija gradwali globali ta’ fjuwils fossili mingħajr tnaqqis. Diġà fl-2019, aħna konna l-ewwel istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li waqqfet tiffinanzja proġetti tal-enerġija bi fjuwils fossili mingħajr tnaqqis. Fil-COP28, se ningħaqdu ma’ sħab biex inħabbru proġetti tal-enerġija nadifa innovattivi li jippreżentaw soluzzjonijiet konkreti biex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna.”

Il-Viċi President tal-BEI Gelsomina Vigliotti, responabbli għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja kif ukoll President tal-Bord tad-Diretturi tal-Fond Ewropew tal-Investiment, qalet “Barra mit-tibdil fil-klima, id-ditti Ewropej qed jaffaċċjaw bosta sfidi fost bżonnijiet ta’ investiment urġenti u kundizzjonijiet finanzjarji dejjem aktar stretti. Inħares ’il quddiem biex nikkondividi l-esperjenza tagħna fil-COP28 dwar kif il-Grupp tal-BEI qed jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u s-sħab biex ngħinu lin-negozji jdawru l-attivitajiet tagħhom biex ikunu aktar ekoloġiċi, jintegraw valutazzjoni tar-riskju klimatiku u jappoġġaw investimenti tat-teknoloġija nadifa biex jappoġġaw l-Patt Ekoloġiku Ewropew.”

Tranżizzjoni ġusta u reżiljenza ġusta

Fil-COP28, BEI Globali, il-fergħa tal-iżvilupp tal-BEI, se tippreżenta l-approċċ tagħha biex tappoġġa tranżizzjoni ġusta u reżiljenza ġusta mad-dinja kollha. Huwa kruċjali li jiġi indirizzat l-impatt soċjoekonomiku tal-politiki dwar l-azzjoni klimatika u t-tibdil fil-klima nnifsu biex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura fit-tranżizzjoni lejn ekonomija globali żero netti reżiljenti għall-klima.

Il-BEI ilu jappoġġa t-tranżizzjoni ġusta fl-Unjoni Ewropea. BEI Globali issa qed tibni fuq din l-esperjenza u qed testendi l-attivitajiet tagħha għal tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni l-aktar affettwati mill-isforzi tad-dekarbonizzazzjoni u fejn hemm intenzjoni li jimxu lejn ekonomiji aktar sostenibbli. Barra minn dan, l-approċċ għal reżiljenza ġusta għandu l-mira li jindirizza impatti negattivi mhux maħsuba tal-politiki u l-azzjoni ta’ adattament permezz ta’ investimenti infurmati minn analiżi soċjali. U li tingħata setgħa wkoll lil pajjiżi u nies li jġarrbu piżijiet inugwali tat-tibdil fil-klima biex jaffaċċjaw u jadattaw aħjar għal dawn il-bidliet, pereżempju fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u stati fraġli. Hemm bżonn urġenti li tiżdied ir-reżiljenza għall-klima u li jiġu żgurati politiki għall-adattament tal-klima billi t-temperaturi dejjem jogħlew qed ikabbru l-inugwaljanzi ġeografiċi u soċjali b’konsegwenzi devastanti.

Rieżami ta' nofs it-terminu tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku

Ftit qabel il-COP28, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI approva r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tal-Grupp tal-BEI. Dan l-eżerċizzju ta’ osservazzjoni jipprovdi aġġornament dwar il-progress tal-Grupp tal-BEI lejn l-objettivi tal-pjan direzzjonali pijunier tiegħu filwaqt li jqis l-iżviluppi regolatorji u tas-suq. Il-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku 2021-2025 ġie adottat fl-2020 biex tinbeda l-ħidma għall-ambizzjoni tal-Grupp tal-BEI biex jittrasforma lilu nnifsu fil-bank klimatiku tal-UE u jżid l-appoġġ tiegħu għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-għanijiet tal-klima internazzjonali.

Bil-pjan direzzjonali, il-Grupp tal-BEI ta impenn biex jappoġġa €1 triljun f’investimenti ekoloġiċi sal-2030 u jallinja l-operazzjonijiet kollha tiegħu mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Barra dan, il-pjan direzzjonali ffissa mira li tal-inqas 50% tal-finanzjament annwali tal-BEI jkun iddedikat għall-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali sal-2025 u lil hinn. Ir-rieżami ta' nofs it-terminu jikkonferma li l-Grupp tal-BEI miexi sew biex jilħaq dawn il-miri. Il-finanzjament tal-BEI għall-azzjoni dwar il-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali laħaq 58% tal-finanzjament totali fl-2022.

Minn meta ġie adottat il-pjan direzzjonali, il-Grupp tal-BEI rrisponda għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-kriżi tal-enerġija sussegwenti b’impenn imsaħħaħ għat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika. F’Lulju 2023, il-Grupp tal-BEI żied b’50% il-pakkett ta’ appoġġ tiegħu ta’ REPowerEU, inizjalment approvat f’Ottubru 2022, (għal €45 biljun minn €30 biljun). Il-mira hija li jiġi appoġġat €150 biljun fl-investiment sal-2027 biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika fl-Ewropa, tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u tingħata spinta lit-teknoloġiji innovattivi, inklużi fil-manifattura ta’ teknoloġija għolja u materja prima kritika meħtieġa għall-ekonomija żero netta.

Stħarriġ tal-BEI dwar il-Klima: In-nies minn nazzjonijiet industrijalizzati ewlenin jappoġġaw li jingħata kumpens lil pajjiżi bi dħul baxx affettwati mit-tibdil fil-klima

Fit-tħejjija għall-COP28, tnediet is-sitt edizzjoni tal-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima. L-edizzjoni ta’ din is-sena turi appoġġ qawwi miċ-ċittadini għal azzjoni globali dwar il-klima li tqis l-impatt fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Iżda tirrifletti wkoll aktar ansjetà dwar l-għoli tal-ħajja f’bosta pajjiżi tal-UE. Sa mill-2018, l-Istħarriġ juri perspettivi dwar il-fehmiet relatati mat-tibdil fil-klima ta’ nies f’ekonomiji ewlenin madwar id-dinja, b’aktar minn 30 000 rispondent fl-Unjoni Ewropea, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Korea t’Isfel — fejn panel rappreżentattiv ta’ persuni ta’ 15-il sena u aktar ġew intervistati f’kull wieħed mill-pajjiżi mistoqsija.

Intervisti mal-media

Għal talbiet għal intervisti mal-President tal-BEI Werner Hoyer, il-Viċi Presidenti tal-BEI Ambroise Fayolle, Gelsomina Vigliotti, Thomas Östros jew l-esperti tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana.

Il-BEI fil-COP28

Sib ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-BEI fil-COP28 fuq is-sit web tagħna. Il-BEI għandu padiljun fiż-żona tal-avvenimenti sekondarji taż-żona blu u qed imexxi sensiela ta’ avvenimenti dwar bosta suġġetti. Tista’ ssib l-aġenda sħiħa hawn. Intom mistednin tingħaqdu magħna biex issegwu s-sessjonijiet fi trażmissjoni diretta jew aktar tard għall-konvenjenza tiegħek. Barra minn dan, il-BEI jikkondividi padiljun mal-grupp tal-banek multilaterali tal-iżvilupp. Tista’ ssib l-aġenda sħiħa hawn.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jipprovdi finanzjament fuq żmien fit-tul għal investiment sod sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE.

  • Fl-2019, il-politika tal-BEI dwar għoti ta’ self għall-enerġija ġiet adottata biex jintemm il-finanzjament għal proġetti tal-enerġija bi fjuwils fossili mingħajr tnaqqis, inkluż il-gass naturali, l-ewwel bank multilaterali tal-iżvilupp li għamel dan.
  • Fl-2021, il-BEI sar l-ewwel MDB li allinja l-attivitajiet finanzjarji tiegħu mal-Ftehim ta’ Pariġi.
  • Permezz tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank tal-Klima  il-Grupp tal-BEI għandu l-għan li jappoġġa 1 triljun ta’ investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali tul id-deċennju kritiku, 2021-2030.
  • Il-BEI huwa impenjat li jżid l-investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali għal aktar minn 50% tas-self annwali tiegħu sal-2025 — l-aħħar sena dik il-mira nqabżet b’figura ta’ 58%.

BEI Globali huwa l-fergħa speċjalizzata tal-Grupp tal-BEI ddedikat għal operazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea u huwa sieħeb ewlieni tal-istrateġija tal-Gateway Globali tal-UE. Għandna l-għan li nappoġġaw mill-inqas €100 biljun ta’ investiment sal-aħħar tal-2027, madwar terz tal-mira globali tal-Gateway Globali. Fi ħdan Tim Ewropa, il-BEI Globali jrawwem sħubiji b’saħħithom u ffukati flimkien ma’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp u s-soċjetà ċivili. BEI Globali jressaq il-Grupp tal-BEI aktar qrib il-komunitajiet lokali, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet lokali permezz tal-uffiċċji tiegħu madwar id-dinja.