>@Isopix/EIB

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, l-akbar istituzzjoni finanzjarja multilaterali fid-dinja, illum ħabbar tislif rekord fl-2015, li ammonta għal total ta' EUR 84.5 biljun, li se jappoġġja investiment f'infrastruttura kruċjali u jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament mal-Ewropa kollha u madwar id-dinja. Dan inkluda appoġġ rekord għal investiment minn SMEs u tislif mingħajr preċedent għall-innovazzjoni u proġetti relatati mal-klima mill-Grupp tal-BEI.

Matul l-2015 il-Grupp tal-BEI – il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment – ipprovdew finanzjament ġdid ta’ EUR 7.5 biljun appoġġjat mill-garanzija tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa mill-baġit tal-UE. Dan il-finanzjament appoġġja investiment totali li jiswa aktar minn EUR 50 biljun, jew madwar 16% tal-mira finali ta' EUR 315 biljun li ser jiġi skattat mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa fuq perjodu ta' tliet snin.

F'Settembru l-BEI nieda ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, pilastru ieħor tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Iċ-Ċentru jgħin sabiex proġetti jattiraw finanzjament mis-sorsi kollha disponibbli. Fl-2015 iċ-Ċentru mmaniġġja talbiet għal konsulenza mill-UE kollha.

"L-Ewropa teħtieġ tinvesti fl-innovazzjoni, l-innovazzjoni u aktar innovazzjoni, u dan kien il-fokus tal-Grupp tal-BEI. Barra milli kiseb l-għanijiet u l-miri tiegħu qabel iż-żmien, il-Grupp tal-BEI nieda wkoll investimenti taħt il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, anke qabel ma twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Imxejna malajr u mmobilizzajna aktar minn 50 biljun euro f'investimenti ġodda minn April. Nedejna wkoll iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, it-tieni pilastru tal-Pjan. Issa l-Ewropa teħtieġ ukoll li r-regolazzjoni tagħha ssir aktar favorevoli għall-investiment, inkluż it-tneħħija ta' ostakli regolatorji u t-twettiq tas-suq intern. Dan huwa t-tielet element tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, u l-Pjan ma jistax jirnexxi mingħajru", qal Werner Hoyer, President tal-Grupp tal-BEI.

Fl-2015, il-Grupp tal-BEI laħaq ftehim għal livell rekord ta' appoġġ għall-investiment għall-innovazzjoni, b'total ta' EUR 18.7 biljun ta' tislif ġdid għall-innovazzjoni.

L-appoġġ mill-Grupp tal-BEI sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament minn kumpaniji ta' daqs żgħir u medju matul l-2015 inkluda kemm EUR 29.2 biljun ta' tislif permezz ta' banek imsieħba lokali u l-akbar impenn annwali li qatt sar mill-Fond Ewropew tal-Investiment, il-fornitur speċjalista tal-Grupp tal-BEI ta' finanzjament ta' riskju għal SMEs mal-Ewropa kollha.

Il-BEI pprovda kważi EUR 19-il biljun għal infrastruttura strateġika li appoġġjaw it-titjib ta' sptarijiet, skejjel, universitajiet, akkomodazzjoni soċjali, portijiet, toroq, u linji tal-ferroviji eżistenti, jew il-kostruzzjoni ta' oħrajn ġodda, kif ukoll investiment essenzjali fl-infrastruttura tal-ilma, l-enerġija u l-komunikazzjoni. Dan inkluda l-ewwel programmi ta' investiment biex jipprovdu assistenza lill-istati membri tal-UE li qed jaffaċċjaw emerġenzi marbuta mal-wasla mingħajr preċedent ta' refuġjati. Il-BEI huwa f'pożizzjoni unika li jappoġġja l-investiment biex jittejbu l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi tal-oriġini, tad-dħul fl-UE, ta' tranżitu, u tad-destinazzjoni tar-refuġjati.

Il-Grupp tal-BEI ma joperax skont kwoti ġeografiċi, iżda t-tislif jiffoka fuq pajjiżi fejn huwa meħtieġ l-aktar l-investiment fil-mira. Għaldaqstant, l-esponiment tal-bank f'xi wħud mill-pajjiżi tal-UE l-aktar vulnerabbli bħal Ċipru, is-Slovenja, il-Portugall, l-Ungerija, il-Polonja u l-Greċja huwa aktar minn 9% tal-PDG, u fl-2015 it-tislif tal-BEI rrappreżenta aktar minn EUR 1,700 għal kull ras fis-Slovenja, is-Slovakkja, il-Greċja u l-Latvja.

Il-Grupp tal-BEI huwa l-akbar fornitur multilaterali fid-dinja ta' finanzjament għall-klima. Is-sena li għaddiet it-tislif tal-BEI relatat mal-klima ammonta għal 26.5% tal-finanzjament totali tal-Bank, aktar mill-impenn tal-BEI biex jiżgura li tal-anqas 25% tal-finanzjament tiegħu jmur għal proġetti tal-azzjoni għall-klima.

It-tislif relatat mal-klima tela' għal EUR 20.6 biljun, inkluż EUR 10.1 biljun għal trasport favorevoli għall-klima, EUR 3.4 biljun għall-enerġija rinnovabbli, EUR 1.6 biljun għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-klima, u kważi EUR 1 biljun għall-adattament għal klima li qiegħda tinbidel.

L-2015 kienet ukoll sena rekord għal tislif għall-effiċjenza fl-enerġija. Il-BEI pprovda kważi EUR 3.6 biljun għal skemi biex jitnaqqsu l-kontijiet tat-tisħin u l-użu tal-enerġija fi skejjel, sptarijiet, kumpaniji u akkomodazzjoni soċjali, fl-Ewropa u lil hinn minnha. It-tislif tal-BEI għall-effiċjenza fl-enerġija ttripla sew fl-aħħar erba' snin.

"Il-bidla fil-klima hija l-isfida globali ewlenija ta’ żminijietna. Matul il-ħames snin li ġejjin ser nipprovdu kważi EUR 100 biljun għall-azzjoni għall-klima mad-dinja kollha. B'mod kruċjali ser naħdmu ma' banek multilaterali oħra tal-iżvilupp biex nimmobilizzaw kapital privat għall-investimenti li jagħmlu differenza għall-bidla fil-klima u għall-mod li nadattaw. Il-pajjiżi tagħna kollha għamlu impenn għal għanijiet sostenibbli tal-iżvilupp ambizzjużi, iżda l-investiment pubbliku waħdu mhux ser ikun biżżejjed. Kollha kemm aħna rridu nagħmlu aktar bħalma qed jagħmel bl-aħjar mod il-Grupp tal-BEI: ingranaġġ u katalizzatur tal-investiment privat għall-ġid tal-pjaneta tagħna", qal Werner Hoyer, President tal-Grupp tal-BEI.

Il-Grupp tal-BEI jopera globalment. Fl-2015 ipprovda tislif ta’ EUR 7.8 biljun barra mill-Ewropa. Il-pajjiżi tat-Tkabbir tal-UE u tal-EFTA rrappreżentaw l-akbar reġjun benefiċjarju barra mill-UE, b'self għal total ta' EUR 2.7 biljun. Il-Viċinat tal-Lvant irċieva EUR 1.5 biljun tal-finanzjament tal-BEI fl-2015, il-Pajjiżi Mediterranji EUR 1.4 biljun, EUR 1.1 biljun għall-Asja, l-Asja Ċentrali u l-Amerika Latina u EUR 1.1 biljun oħra għar-reġjuni tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku flimkien mar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel.

F'Marzu tas-sena l-oħra l-BEI wettaq ukoll EUR 180 biljun ta' tislif addizzjonali mitlub mill-kapijiet ta' stat u tal-gvern tal-Ewropa għall-perjodu 2013-2015 u appoġġjat minn EUR 10 biljun ta' żieda kapitali. Il-mira nkisbet disa' xhur qabel iż-żmien.