>@EIB/EIB

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) żied il-finanzjament tiegħu għal proġetti ta’ azzjoni għall-klima għal EUR 19-il biljun li jirrappreżenta ċifra impressjonanti ta’ 30 % tal-għoti ta’ self tiegħu fl-Unjoni Ewropea (UE). Din kienet żieda sinifikanti mill-EUR 16-il biljun tas-sena ta’ qabel; dan huwa punt ta’ referenza ġdid fl-appoġġ għal tkabbir sostenibbli u l-bini għal ġejjieni b’użu baxx tal-karbonju fl-Ewropa.

Fl-2010, l-għoti ta’ self totali tal-BEI laħaq EUR 72 biljun – EUR 63 biljun fl-UE u EUR 9 biljun barra mill-UE – b’appoġġ għal madwar 460 proġett fuq skala kbira. Dan huwa ritorn gradwali għal-livelli ta’ qabel il-kriżi billi l-Bank qed jadatta l-attività tiegħu għall-ambjent ekonomiku.

Il-BEI kompla bil-kontribuzzjoni kritika tiegħu għall-irkupru Ewropew u pprovda pakkett addizzjonali ta’ appoġġ ta’ EUR 61 biljun matul dawn l-aħħar tliet snin, EUR 11-il biljun aktar milli kien previst oriġinarjament. L-Impriżi ta’ daqs Żgħir u Medju (SMEs) – li jsibuha partikolarment diffiċli biex ikollhom aċċess għal finanzjament fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffikultużi – u r-reġjuni anqas avvanzati fl-Ewropa kienu l-benefiċjarji ewlenin ta’ dan l-isforz eċċezzjonali. Matul dan il-perjodu ta’ tliet snin, madwar 160 000 SME bbenefikaw mill-finanzjament tal-BEI. Ir-reġjuni anqas avvanzati fl-Ewropa ġew appoġġjati f’dan il-perjodu permezz tal-finanzjament ta’ madwar 430 proġett.

Il-President tal-BEI Philippe Maystadt qal: “Wettaqna l-missjoni tagħna fir-rigward tal-appoġġ ta’ rkupru għall-Ewropa billi ffinanzjajna proġetti li jistimulaw it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi u aħna ninsabu kburin ħafna bil-volum rekord tagħna fir-rigward tal-proġetti ta’ azzjoni għall-klima. Il-bini ta’ ġejjieni aħjar u aktar sostenibbli huwa l-forza motriċi ta' dak kollu li nwettqu.”

Il-punt fokali tal-appoġġ tal-BEI għall-proġetti ta’ azzjoni għall-klima jibqa’ fuq l-enerġija (enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-enerġija), u t-trasport sostenibbli.

Il-Bank irnexxielu jagħmel sforz biex iżid id-daqs tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija fil-portafoll tiegħu.  Aktar minn EUR 6 biljun ta’ finanzjament appoġġja enerġija rinnovabbli u aktar minn EUR 2 biljun fi proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-2010. Il-pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni rinnovabbli wrew li huma fattur importanti li jinstiga l-investiment f'dawn l-oqsma u t-tliet teknoloġiji emerġenti (tar-riħ, solari u tal-bijomassa) ġew appoġġjati. Fis-settur tat-trasport, il-BEI għandu rwol ewlieni fejn jappoġġja l-iżvilupp ta’ vetturi elettriċi.

Pajjiżi barra mill-UE rċevew EUR 2 biljun f’finanzjament ta’ azzjoni għall-klima fl-2010. Fit-tliet snin li ġejjin, il-Bank ser isaħħaħ sostanzjalment l-appoġġ tiegħu għal proġetti ta’ enerġija sostenibbli f’dawn il-pajjiżi. Dan minħabba l-fatt li ż-żieda ta’ EUR 1.5 biljun miftiehma għall-Faċilità għas-Sostenibbiltà tal-Enerġija biex tilħaq ammont globali ta’ EUR 4.5 biljun. Dan, flimkien mal-mandat propost ta’ EUR 2 biljun għall-bidla fil-klima (li bħalissa qed jiġi diskuss mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill), iqiegħed lill-Bank f’pożizzjoni tajba biex jgħin lill-UE timplimenta l-għanijiet globali tagħha ta' azzjoni għall-klima barra mill-Ewropa.

Filwaqt li jħares ’il quddiem, il-BEI ser jgħin fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, il-miri tal-UE ta’ azzjoni għall-klima u l-objettivi tagħha tal-politika esterna. Il-BEI ser ikompli jipprovdi finanzjament fit-tul u kompetenza esperta teknika u ser jagħmel sforzi biex jiżviluppa strumenti ġodda mal-Kummissjoni biex jipprovdi kapaċità ta’ riskju addizzjonali għal setturi prijoritarji bħall-infrastruttura u l-SMEs.

Fl-2010, il-Bank irreġistra qligħ nett ta’ EUR 2.1 biljun.

Nota lill-editur:

Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-bank ta’ self fit-tul tal-Unjoni Ewropea.

Il-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, l-iżvilupp bilanċjat u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri tal-UE.

Minbarra proġetti ta’ appoġġ fl-Istati Membri, l-attivitajiet ta’ self tiegħu jinkludu wkoll investimenti ta’ finanzjament fl-Istati Membri futuri tal-UE u l-pajjiżi msieħba tal-UE.

Il-BEI jiġbor volumi sostanzjali ta’ fondi fis-swieq kapitali, li huwa jsellef b’termini favorevoli għal proġetti li jiżviluppaw aktar l-objettivi tal-politika tal-UE.

Huwa l-akbar sellief sovranazzjonali u l-klassisfikazzjoni AAA konsistenti tiegħu hija appoġġjata minn appoġġ sod ta’ azzjonisti, bażi kapitali b’saħħitha, kwalità ta’ assi eċċezzjonali, ġestjoni ta’ riskju konservattiva u strateġija soda ta' finanzjament.

Proġetti ta’ azzjoni għall-klima huma proġetti fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport, il-forestrija, l-innovazzjoni (RŻI), u l-adattament. Sabiex jikkwalifikaw bħala proġetti ta’ azzjoni għall-klima, iridu jissodisfaw kriterji stretti ħafna għall-kontribut tagħhom għat-tnaqqis tas-CO2, l-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija jew is-sekwestru tas-CO2. Huma biss it-teknoloġiji l-aktar innovattivi (eż. solari, tar-riħ, tal-bijomassa) li jikkwalifikaw bħala proġetti ta’ azzjoni għall-klima. Alternattivament, jista’ jkun meħtieġ li l-komponent tiegħu ta’ adattament għall-klima jkun tal-anqas 50 % tal-ispiża totali tal-proġett.


  • Presentation [EN]
  • Speech [DE], [EN], [FR]
  • List of financing operations in 2010 [DE], [EN], [FR]