>@Isopix/To be defined
©Isopix/ To be defined

Il-Finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) laħaq livell rekord fl-2011 hekk kif il-grupp baqa’ ffukat sew fuq il-mandat tiegħu li jagħti appoġġ lill-ekonomija reali.

Matul l-2011, il-Grupp tal-BEI ta finanzjament ta’ EUR 13-il biljun lil SMEs. B’mod ġenerali aktar minn 120,000 SME minn madwar l-Unjoni Ewropea s-sena l-oħra rċevew appoġġ mill-Grupp tal-BEI. L-SMEs jirrappreżentaw aktar minn żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat fl-Ewropa u jikbru b’rata aktar mgħaġġla minn kumpaniji aktar kbar, u b’hekk huma sors importanti ta’ impjiegi. Madankollu, id-daqs tagħhom jagħmilhom ukoll aktar vulnerabbli fi żminijiet ta’ kriżi peress li għandhom diffikultà akbar biex jiksbu aċċess għal finanzjament f’ċirkustanzi ekonomiċi ħżiena. 

Il-finanzjament mogħti fl-2011 jirrifletti l-livell eċċezzjonali ta’ kuntratti ta’ tislif għall-SME’s li kkonkluda l-BEI mal-banek imsieħba fl-2009/10 u l-isforzi li saru mill-BEI u mill-Fond Ewropew tal-Investiment biex jilħaq lill-impriżi mikro, mekkaniżmu importanti tiegħu sabiex in-nies joħorġu mill-qgħad.

Il-President tal-BEI Werner Hoyer stqarr: “Il-BEI ser ikompli jagħti appoġġ kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Ħafna pajjiżi qegħdin jiffaċċjaw sfidi kbar u bħala l-bank tal-UE aħna qegħdin hawnhekk biex nappoġġjawhom bil-finanzjament ta’ proġetti sodi, billi nikkombinaw it-tislif tal-BEI mal-għotjiet tal-UE u nipprovdu pariri tekniċi għat-tħejjija ta’ proġetti. Fil-qosor, il-BEI ikompli jagħti appoġġ lill-ekonomija reali permezz ta’ tislif, it-taħlit ta’ riżorsi u l-għoti ta’ pariri. ”

Matul l-2011, il-BEI ffirma selfiet ġodda li jammontaw għal EUR 61 biljun fi kważi 70 pajjiż. EUR 54 biljun ingħataw għal proġetti fi ħdan l-Unjoni Ewropea u EUR 7 biljun barra mill-UE. Il-BEI rnexxielu jestendi l-ogħla kontribuzzjoni finanzjarja li qatt kellu għall-ekonomija reali billi qassam EUR 60 biljun.

L-appoġġ għal proġetti li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ karbonju żdied għal 30% tat-tislif totali, u jipprovdi EUR 18-il biljun għal azzjoni favur il-klima. Dan kien jinkludi EUR 5.5 biljun għal investiment fl-enerġija rinovabbli, EUR 1.3 biljun għall-effiċjenza tal-enerġija u EUR 8 biljun għat-trasport sostenibbli.

It-tislif barra mill-UE qabeż EUR 7 biljun, b’nofs iddedikat lil pajjiżi fil-fażi ta’ qabel l-adeżjoni. Il-BEI għandu rwol importanti fis-Sħubija ta’ Deauville li ġiet imnedija f’Mejju mill-G-8 biex tappoġġja t-tranżizzjoni demokratika u ekonomika wara r-rebbiegħa Għarbija. Fl-2011 ġew iffirmati tislifiet b’valur ta’ kważi EUR 1 biljun għall-iżvilupp tas-settur privat u l-aċċelerazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali fir-reġjun. Il-firem fil-ġirien tal-Lvant tal-UE laħqu livell rekord ta’ EUR 800 miljun.

Taħt l-istrateġija tal-Bank biex tinżamm is-saħħa finanzjarja tiegħu permezz ta’ ritorn gradwali lejn il-livelli ta’ tislif ta’ qabel l-2008, it-tislif għal operazzjonijiet ġodda fl-2012 huwa ppjanat li jonqos għal EUR 50 biljun.

B’mod konformi mal-konklużjonijiet informali tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar, il-prijorità ewlenija tal-Grupp tal-BEI għall-2012 ser tibqa’ li jingħata appoġġ għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE. Il-finanzjament tal-BEI barra mill-UE ser jiffoka fuq pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u l-ġirien tal-UE fil-Lvant u n-Nofsinhar.

Wara t-talba tal-mexxejja tal-UE, il-Grupp tal-BEI ser jesplora, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, alternattivi biex jillieva l-fondi tal-baġit tal-UE. Huwa lest li jaġġorna l-miri tal-għoti ta’ self sabiex jieħu f’kunsiderazzjoni l-finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE.