Il-BEI jniedi self ġdid għall-SMEs

Il-BEI jiddedika EUR 30 biljun lill-SMEs fl-Ewropa fl-għamla ta’ self ġdid mogħti permezz tal-banek kummerċjali

Fuq talba tal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill informali li sar f’Nizza fit-12 u t-13 ta’ Settembru 2008, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Grupp tal-BEI) qiegħed jimmodernizza u jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-impriżi Ewropej ta’ daqs żgħir u medju biex jgħin sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-kreditu kurrenti.

Fit-23 ta’ Settembru, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI adotta sensiela inizjali ta’ miżuri:

  • Il-BEI ser jalloka EUR 15-il biljun matul il-perjodu 2008-2009 għal self lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju fl-Ewropa mogħti permezz tal-banek kummerċjali, bħala parti minn pakkett globali ta’ EUR 30 biljun sal-2011. Dan jikkostitwixxi żieda sostanzjali fuq is-self normali f’dan is-settur. Il-BEI għalhekk jippjana biex jagħmel iktar iżda wkoll biex jagħmel aħjar: huwa żviluppa formula ġdida tas-self msejħa self tal-BEI għall-SMEs, li xorta ser jitqassam permezz tal-banek kummerċjali, iżda ser ikun aktar sempliċi, aktar flessibbli u aktar trasparenti, biex b’hekk ikun ta’ benefiċċju għal numru akbar ta’ SMEs. Dawn l-arranġamenti l-ġodda huma r-riżultat tal-konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet fis-suq tal-SMEs li saret mill-BEI fl-2007-2008.
  • Sussegwentement, sa tmiem is-sena, il-BEI ser joffri lill-banek intermedjarji prodotti għall-qsim tar-riskju aktar sofistikati mfassla biex jilħqu segmenti tas-suq li l-banek kummerċjali għandhom problema biex jippenetraw (jiġifieri l-SMEs li għalihom ir-riskju huwa kkunsidrat kbir wisq jew il-garanzija pprovduta hija kkunsidrata insuffiċjenti).

Is-self tal-BEI għall-SMEs:

Speċifikament, min hu eliġibbli għas-self il-ġdid tal-BEI għall-SMEs, u biex jiffinanzja liema tip ta’ proġetti? U x’inhi l-proċedura biex wieħed jikseb self tal-BEI għall-SMEs? Dan li ġej huwa gwida prattika għall-miżuri l-ġodda adottati fit-23 ta’ Settembru mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI.

  • Min hu eliġibbli għal self tal-BEI għall-SMEs?

Kull ditta awtonoma b’inqas minn 250 impjegat. Mhumiex eliġibbli l-kumpaniji sussidjarji u l-kumpaniji holding ta’ gruppi industrijali billi dan is-self tal-BEI huwa riżervat għal impriżi ta’ daqs żgħir u medju.

  • Biex jiffinanzja x’hiex?

Is-self tal-BEI għall-SMEs jista’ jappoġġa kull tip ta’ investiment jew nefqa meħtieġa biex negozju żgħir jikber. Għalhekk, l-investiment jista’ jkun:

  • tanġibbli, jiġifieri l-akkwist ta’ impjant jew proprjetà. Bi prinċipju, l-akkwist ta’ art huwa eskluż sakemm dan mhuwiex essenzjali għall-investiment filwaqt li l-akkwist ta’ art agrikola huwa eskluż totalment.
  • intanġibbli, bħall-finanzjament ta’ nefqa direttament relatata mar-riċerka u l-iżvilupp, it-tkabbir jew it-teħid tal-kontroll ta’ netwerks tad-distribuzzjoni, inkluż fi Stat Membri oħrajn tal-UE, ir-reġistrazzjoni jew l-akkwist ta’ privattivi jew l-ispejjeż magħmula fit-trasferiment ta’ impriża sabiex din tista’ tkompli bl-attività ekonomika (fejn ix-xerrej u l-impriża li qiegħda għall-bejgħ huma SMEs u l-ammont meħtieġ għall-finanzjament tat-trasferiment ma jaqbiżx EUR 1 miljun).
  • iż-żieda permanenti tal-kapital operattiv meħtieġ għall-iżvilupp ta’ SME li qiegħda tespandi.

Prattikament fis-setturi kollha tal-ekonomija:

Is-self tal-BEI għall-SMEs jista’ jappoġġa investiment fi kwalunkwe settur tal-ekonomija ħlief għall-armi, il-logħob tal-ażżard, it-tabakk, l-attivitajiet li jinvolvu testijiet fuq l-annimali, l-attivitajiet li l-impatt ambjentali tagħhom ma jistax fil-biċċa l-kbira jittaffa jew jiġi kkumpensat, is-setturi li huma kontroversjali moralment jew etikament (bħall-kloning tal-bniedem) u l-iżvilupp tal-proprjetà.

Huma esklużi wkoll it-tranżazzjonijiet purament finanzjarji (pereżempju t-teħid ta’ kontroll ta’ kumpaniji) ħlief għat-trasferimenti ta’ negozji fiċ-ċirkostanzi speċifiċi spjegati hawn fuq.

  • Għal kemm u fuq liema termini?

Is-self tal-BEI għall-SMEs jista’ jappoġġa investiment għal kwalunkwe ammont minn proġetti żgħar ħafna għal investimenti li jiswew sa EUR 25 miljun. Il-finanzi tal-BEI jistgħu jinkisbu għal self ta’ ġeneralment bejn 2 u 12-il sena. It-tul attwali tas-self jiddependi mill-ħajja ekonomika tal-proġett iffinanzjat. L-ammont massimu pprovdut mill-BEI ma jistax jaqbeż EUR 12.5 miljun għal kull self.

Is-self tal-BEI għall-SMEs ser ikun ipprovdut mal-Unjoni Ewropea kollha permezz tal-banek kummerċjali, li ser ikunu responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni għas-self ippreżentata minn SME. Għal bosta attivitajiet, ser ikun jiddependi bis-sħiħ mill-bank intermedjarju jekk is-self jingħatax jew le lill-SME. Il-parteċipazzjoni tal-BEI sservi biex issaħħaħ it-termini finanzjarji ta’ self bħal dan u l-BEI ser jiżgura li l-SMEs ikkonċernati huma informati b’mod ċar b’dawn it-termini favorevoli.

Għal ċertu attivitajiet, il-BEI jista’ wkoll jaqsam ir-riskji mas-sieħeb bankarju jew jipprovdi finanzjament mezzanin. L-arranġamenti prattiċi għal dawn iż-żewġ għażliet ser jiġu spjegati aktar tard.

  • il min tista’ tikkuntattja?

Hemm diġà aktar minn mitt bank fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu regolarment mal-BEI. Jekk jogħġbok sib id-dettalji tal-kuntatt tagħhom li huma aġġornati regolarment għal kull pajjiż (ara l-link hawn taħt).

  • Meta ser ikun disponibbli s-self il-ġdid tal-BEI għall-SMEs?

L-ewwel self tal-BEI għall-SMEs taħt dan l-arranġament il-ġdid ser ikun disponibbli f’għadd ta’ pajjiżi fil-bidu ta’ Ottubru. Dawn ser jitħabbru separatament.

  • Kif ser jibbenefikaw l-SMEs mis-self il-ġdid tal-BEI?

Il-BEI huwa l-bank tal-Unjoni Ewropea. Bis-saħħa tal-Istatut u l-azzjonisti tiegħu, is-27 Stat Membru, huwa għandu l-aħjar grad possibbli fuq is-swieq kapitali (AAA). Il-BEI għalhekk jista’ jissellef fondi fuq is-swieq kapitali b’termini favorevoli, li huwa jgħaddi f’self li huwa jagħti, b’mod partikolari lil SMEs permezz ta’ banek intermedjarji. Dawn il-banek jintrabtu li jinformaw lill-SMEs speċifikament u individwalment (pereżempju b’ittra ta’ informazzjoni) tal-involviment tal-BEI u l-impatt tiegħu fuq it-termini finanzjarji tas-self mogħti.

  • Is-self il-ġdid tal-BEI għall-SMEs ser ikun disponibbli għall-pajjiżi kollha tal-UE?

Iva, is-self tal-BEI għall-SMEs jista’ jappoġġa investiment fis-27 Stat Membru tal-UE.

  • Minn fejn ser jiġu t-EUR 30 biljun li ser ikunu disponibbli mill-BEI għall-SMEs?

Il-BEI huwa bank immexxi skont il-politika tal-UE li ma jkunx ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea jew il-kontribwenti tat-taxxa fl-Istati Membri. Huwa jissellef fondi fuq is-swieq kapitali indipendentement (aktar minn EUR 50 biljun fl-2007). Għalhekk huwa jaġixxi biex jagħti direzzjoni lit-tifdil b’appoġġ għal-linji politiċi tal-Unjoni Ewropea, biex b’hekk jiġbor volumi sinifikanti ta’ finanzjament fuq livell globali biex jintuża fl-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea.


Qed jitħejjew prodotti ġodda

Sussegwentement, sa tmiem is-sena, il-BEI ser joffri lill-banek intermedjarji prodotti għall-qsim tar-riskju aktar sofistikati mfassla biex jilħqu s-segmenti tas-suq li l-banek kummerċjali għandhom problema biex jippenetraw (jiġifieri l-SMEs li għalihom ir-riskju huwa kkunsidrat kbir wisq jew il-garanzija pprovduta hija kkunsidrata insuffiċjenti). Ser ikunu żviluppati tliet tipi ta’ miżuri:

  • self fejn ir-riskju huwa maqsum mal-banek, fejn il-BEI jiggarantixxi parti mir-riskju totali meħud mill-bank intermedjarju;
  • self fejn il-BEI jieħu riskju direttament fuq l-SME benefiċjarja, b’mod parallel mal-bank intermedjarju; u
  • prodotti mezzanin għal SMEs bi tkabbir kbir jew “gazelles”. Permezz tas-sussidjarju tiegħu l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), il-Grupp tal-BEI ser jipprovdi lis-self ta’ parteċipazzjoni, li huwa bħal kważi-ekwità u jippermetti lill-“gazelles” biex iżidu l-kapaċità tagħhom biex jiksbu kreditu tal-bank mingħajr ma jkollhom neċessarjament jiftħu l-kapital tagħhom jew jipprovdu sigurtà sostanzjali (is-self ta’ parteċipazzjoni jiġi mibdul f’ishma biss jekk il-kumpanija ma tkunx tista’ tħallas lura s-self).

Fl-aħħar nett, il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea ser jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu fond tal-mikrokreditu Ewropew intiż għall-impriżi żgħar ħafna. Dan il-fond ser jippermetti l-għoti ta’ self, permezz ta’ madwar 30 istituzzjoni Ewropea tal-mikrofinanzi, għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar ħafna, kif ukoll biex jipprovdi assistenza teknika lill-kumpaniji bħal dawn. Dan ser jiffoka b’mod partikolari fuq kumpaniji li jinsabu f’żoni sensittivi.


Sfond

Il-BEI: sieħeb finanzjarju għall-SMEs għal dawn l-aħħar 40 sena
 
Il-Grupp tal-BEI ilu jiffinanzja lill-SMEs sa mill-1968, fejn il-Gvernaturi tiegħu – is-27 Ministru tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea – għamlu dan bħala wieħed mill-ħames prijoritajiet operattivi tiegħu fl-2005.
Sal-2007, l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI fis-settur tal-SMEs kienu jinkludu tliet tipi ta’ prodott, ipprovduti permezz ta’ aktar minn 200 bank kummerċjali u kważi 300 fond tal-ekwità fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea:

  • Linji ta’ kreditu tal-BEI lill-banek kummerċjali għall-finanzjament fuq perjodu medju jew twil ta’ investiment fiżiku mill-SMEs: din l-attività ta’ self kellha volum annwali ta’ kważi EUR 5 biljun u laħqet madwar 50 000 SME fis-sena.
  • Kapital ta’ riskju: sa mill-2000, il-FEI investa EUR 4.4 biljun f’273 fond ta’ ekwità privata, li jiksbu parteċipazzjoni fil-kapital f’SMEs, primarjament negozji żgħar innovattivi b’potenzjal ta’ tkabbir kbir (l-Istrateġija ta’ Liżbona). Dawn il-fondi ppermettew lil aktar minn 800 000 SME biex jibdew madwar l-Unjoni Ewropea kollha mill-2001.
  • Garanziji tal-bank, ipprovduti wkoll mill-FEI. Saru 190 attività li jippermettu l-garanzija parzjali ta’ EUR 11.6 biljun ta’ impenji għal self tal-bank għall-SMEs. Bil-qsim ta’ riskji kummerċjali mal-banek b’dan il-mod, il-FEI jgħaddi r-riskju, biex b’hekk inaqqas il-livell ta’ riżervi li l-banek iridu jakkumulaw taħt Basel II. Din il-lieva finanzjarja indiretta tistimula s-suq bankarju għall-SMEs.

Il-BEI: soluzzjoni mirakoluża?

Le, il-BEI ma jistax jipprovdi kura għal kollox. Madankollu, matul dan il-perjodu li fih bosta mill-Istati Membri ma jistgħux jimmanuvraw wisq u s-settur bankarju huwa ffaċċjat bi kriżi finanzjarja kbira, il-Grupp tal-BEI jista’ jipprovdi appoġġ addizzjonali flessibbli u effettiv. Il-Bank huwa l-proprjetà tal-Istati Membri iżda ma jpoġġi ebda piż fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea jew il-kontribwenti tat-taxxa tal-Istati Membri, billi jissellef fondi indipendentement fuq is-swieq kapitali (aktar minn EUR 50 biljun fl-2007) u mingħajr ma jiġu pprovduti garanziji mill-Istati Membri. Għalhekk huwa jaġixxi biex jagħti direzzjoni lit-tifdil b’appoġġ għal-linji politiċi tal-Unjoni Ewropea, biex b’hekk jiġbor volumi sinifikanti ta’ finanzjament fuq livell globali għall-użu fl-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea.




 Ipprintja
Copyright © European Investment Bank 2013
The European Investment Bank is not responsible for the content of external internet sites.

http://www.eib.org/infocentre/press/news/all/eib-loan-for-smes.htm